Saturday, May 4, 2024

Tfal li jinsabu fi djar residenzjali ġew mistiedna għal titjira organizzata mill-Air Malta

Aqra wkoll

Madwar 40 tifel u tifla minn diversi djar ta’ Fondazzjoni Sebħ u d-Dar ta’ San Patrizju kienu mistiedna għal titjira edukattiva ta’ 75 minuta. It-titjira tal-Air Malta lejn Sqallija u lura, inkludiet flyby tal-Muntanja Etna fejn it-tfal setgħu jaraw il-quċċata miksija bil-borra tal-akbar vulkan fl-Ewropa.

It-tfal ingħataw spjegazzjoni dwar il-proċessi tal-ajruport mill-istaff tal-Air Malta u membri tat-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Imbagħad ipproċedew biex jagħmlu ċ-check-in u jitilgħu abbord l-ajruplan akkumpanjati mill-carers tagħhom.

Ritratt: Kurja

Meta waslu lura, it-tfal ingħataw l-opportunità li jistaqsu xi mistoqsijiet lil wieħed mill-inġiniera tal-Air Malta, u dan min-naħa tiegħu ma naqasx milli jagħtihom tagħrif dwar uħud mill-karatteristiċi tekniċi tal-ajruplan. Barra minn hekk, it-tfal żaru t-tim tas-Servizzi ta’ Salvataġġ u tifi tan-Nar (RFFS) tal-ajruport u raw ukoll il-vetturi tat-tifi tan-nar tal-MIA.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, ma naqasx milli jiddeskrivi din l-esperjenza li ngħataw it-tfal bħala waħda “Li ġabet ferħ u eċċitament fost it-tfal li għaddew minn żminijiet diffiċli” u rrikonoxxa wkoll is-sagrifiċċji kollha li tagħmel il-Knisja f’Malta fil-ħajja ta’ dawn it-tfal. 

F’kumment li ta ċ-Chairman tal-Air Malta, David G. Curmi, iddikjara li l-għan huwa li dan l-avveniment jidħol fil-kalendarju annwali tagħhom sabiex jagħtu lok li din l-esperjenza titgawda mill-akbar numru possibbli ta’ tfal li jinsabu fi djar residenzjali.

Sport