Wednesday, December 25, 2024

“Tgħallimt nafda fil-ħajja” … terġa’ tqum fuq saqajha wara li spiċċat bla saqaf u xogħol minħabba l-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Carmen Cachia

F’April li għadda Doroteja Tutorov spiċċat bla saqaf u bla flus. Is-sitwazzjoni iebsa mmens li kienet fiha bdiet iddur għall-aħjar meta koppja Maltija ġabritha mit-triq u tagħtha kenn fid-dar tagħha. L-istess koppja ħeġġet lil din it-tfajla mis-Serbja biex tfittex l-għajnuna wara li kienet twaqqfet mix-xogħol ta’ hairdresser mingħajr ma ngħatat il-ħlas dovut lilha. Din it-tfajla kienet qasmet dawn id-diffikultajiet kbar f’ħajjitha ma’ inewsmalta u llum qegħdin nagħtukom aġġornament pożittiv ta’ kemm ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq tant li issa mhux talli għandha r-residenza tagħha, talli għadha kemm fetħet uffiċjalment ħanut tax-xagħar tagħha stess.

Doroteja, li ġiet f’pajjiżna erba’ snin ilu, kienet fi stat dipressiv minħabba li meta ddeċidiet li tiġi Malta, hija kienet mimlija tama għal futur aħjar. Kif fil-bidu tas-sena faqqgħet il-pandemija, ħafna negozji għalqu u l-istess seħħ fil-ħanut tax-xagħar li kienet taħdem fih hija. 

Il-problemi  għal din it-tfajla Serbjana bdew minħabba li sidt il-ħanut ma ħalsithiex paga ta’ xahrejn bil-konsegwenza li ma kellhiex flus biex tkompli tħallas il-kera tal-post li kienet tgħix fih. Imbikkma fit-triq bla xogħol u bla dar, Doroteja rat xaqq ta’ dawl meta koppja Maltija, li għaliha kienu bħal żewġ anġli, offrewlha tgħix magħhom. 

Il-vjaġġ avventuruż tagħha però, sostniet din il-hairdresser, beda proprju wara l-pubblikazzjoni tal-istorja fuq dan il-ġurnal fejn persuna li qrat minn dak li kienet għaddejja minnu din it-tfajla, offriet li tgħinha billi tagħtiha l-ħanut tax-xagħar tagħha biex tiftaħ għal rasha.

Għajnuna mingħajr interessi finanzjarji…

“Meta l-istorja tiegħi ħarġet fuq l-aħbarijiet kien hemm din il-mara qaddisa li offrietli s-salon u li tgħinni f’dak kollu li setgħet. Offriet dan kollu mingħajr ebda interess finanzjarju għaliha. Wara li ħadt din it-telefonata nfqajt nibki bil-ferħ. L-istess sens ta’ gratitudni kont ħassejtu meta l-koppja Maltija laqgħetni f’darhom biex ngħix magħhom sakemm nerġa’ niġi fuq saqajja,” qalet emozzjonata Doroteja.

Din il-hairdresser mis-Serbja tfaħħar il-qalb tad-deheb tal-poplu Malti, kif ukoll tapprezza ħafna l-għajnuna u l-ospitalità li noffru lill-barranin bħalha. Hija qaltilna kif wara tliet xhur, sidt il-ħanut tax-xagħar li kienet taħdem fih qabel il-lockdown ħalsitha u qaltilha biex tirritorna għax-xogħol.

Doroteja rrakkontat kif wara l-lockdown l-affarijiet kienu differenti ħafna minn kif kulħadd kien imdorri bihom. Barra minnhekk, l-ambjent fis-salon sar diffiċli tant li għal darb’oħra, din it-tfajla twaqqfet mix-xogħol. Hija reġgħet ħassitha mkissra iżda kienet determinata li tkompli timxi fit-triq tagħha u tagħmel futur tajjeb għaliha f’pajjiżna.

Sadanittant, ġietha opportunità aħjar fil-linja tax-xogħol tagħha meta sabet ħanut tax-xagħar viċin il-post il-ġdid li kriet. “Ma kontx naf x’irrid nagħmel, jew kif se nagħmel, iżda l-istess mara li qrat l-artiklu tagħkom għenitni biex minflok, nieħu dan is-salon. Illum, kif qiegħda tara, ftaħt uffiċjalment għan-nies,” qalet bi tbissima din it-tfajla. 

Il-ftuħ tas-salon ta’ Doroteja kien mistenni ħafna u għaliha dan huwa l-bidu ta’ vjaġġ avventuruż li se jagħtiha l-indipendenza, l-identità u l-ħajja li dejjem xtaqet li jkollha. Din l-istilista tax-xagħar qalet li l-mara li kienet kellmitha fil-bidu għamlet ukoll kuntatt ma’ persuni oħra fejn tawha xi affarijiet għall-ħanut tagħha bħala għajnuna biex tkun tista’ tibda ddawwar ir-rota fin-negozju tagħha.

“Determinata li nkompli nimxi fit-triq tiegħi u nagħmel futur tajjeb għalija f’Malta”

Doroteja Tutorov

Covid-19 – opportunità biex nieħdu pass lura u nirriflettu

Il-familja ta’ Doroteja tul il-perjodu diffiċli li kellha ftit ta’ xhur ilu, tawha s-sostenn li setgħu u dan avolja jgħixu barra minn Malta. Illum il-ġurnata huma moħħhom mistrieħ li binthom tgħix f’pajjiż “ħanin”, li issa hija stabbli anke biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum tagħha u li għandha fejn tmidd rasha biex torqod. 

It-tfajla qalet li l-ħbieb ukoll dejjem kienu viċin tagħha. Hija tistqarr li f’April li għadda kienet imbeżża’ ferm għax ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel biha nnfisha, però bil-mod il-mod saret pożittiva u kull darba li kienet tħossha mdejjqa bdiet tisforza lilha nnifisha biex toħroġ mil-limbu u tfittex id-dawl.

Hija qalet li personalment temmen li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 kienet opportunità biex kollha kemm aħna nieħdu pass lura u nirriflettu dwar x’verament jagħmilna kuntenti fil-ħajja. 

F’messaġġ għal kulħadd, b’mod speċjali dawk li għaddejjin minn diffikultajiet kbar f’ħajjithom u anke f’dan iż-żmien ta’ inċertezzi minħabba l-virus, Doroteja tgħidilhom, “għixu ħajjitkom kif tixtiequ, b’qalbkom mimlija imħabba u passjoni għal dak kollu li dejjem ħlomtu li tiksbu. Tibqgħux tibżgħu u afdaw fil-ħajja għax kollox huwa possibbli”. 

Ekonomija

Sport