Saturday, December 21, 2024

Tgħid lill-votanti biex ‘jagħżlu l-verità’ fl-elezzjoni fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

L-ikona tat-televiżjoni fl-Istati Uniti, Oprah Winfrey b’diskors imqanqal ħeġġet lid-demokratiċi u lill-votanti anki dawk indipendenti biex fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru li ġej jagħżlu l-verita u mhux in-non-sens. Winfrey għamlet dehra sorpriża u mhux mistennija fil-Konvenzjoni Nazzjonali Demokratika fil-belt twelidha ta’ Chicago.

“Ejjew nagħżlu l-verità, ejjew nagħżlu l-unur, ejjew nagħżlu l-ferħ,” qalet Winfrey lill-folla ferrieħa nhar l-Erbgħa. “Għax dak huwa l-aħjar tal-Amerika.”

Winfrey, li evitat l-attenzjoni politika f’dawn l-aħħar snin, sellfet ftit mill-qawwa tal-istilla tagħha lill-Viċi President Kamala Harris u s-sieħeb tal-kandidatura tagħha, il-gvernatur ta’ Minnesota Tim Walz fit-tielet lejl tal-konvenzjoni ta’ erbat ijiem. Il-kummenti ta’ Winfrey waslu qabel id-diskors ta Walz li aċċetta formalment in-nomina tal-partit għal viċi-president tal-Istati Uniti.

L-ex ospitanta ta’ programmi televiżivi popolari ta’ diskussjoni iffokat fuq messaġġ ta’ għaqda filwaqt li kkritikat b’mod qawwi lill-isfidanti Repubblikani, l-eks President Donald Trump u s-Senatur ta’ Ohio JD Vance.

Fi kliem dirett lejn is-Senatur Vance, hija attakkat il-kummenti li kien għamel f’intervista tal-2021 li fiha Vance irrefera għall-politiċi Demokratiċi bħala koċċ qtates nisa bla tfal li huma miżerabbli b’ħajjithom u bl-għażliet li jkunu għamlu u għalhekk iridu jagħmlu l-bqija tal-pajjiż miżerabbli bħalhom.

Dawn ir-rimarki ta’ Vance kienu saru virali fuq il-mezzi tal-midja soċjali wara li Donald Trump ħabbar lis-senatur ta’ Ohio bħala s-sieħeb fil-kandidatura tiegħu.

Il-mogul tal-midja biljunarja evitat involviment politiku f’dawn l-aħħar snin. Fl-2007 iżda, hija kienet appoġġjat bis-sħiħ lis-Senatur tal-Illinois ta’ dak iż-żmien, Barack Obama għal President. Winfrey, li kkunsidrat lill-Obama bħala ħabib billi t-tnejn kienu jikkoinċidu fl-orbitu politiku ta ‘Chicago, ħadmet għal ġbir ta’ fondi u volontarjat waqt il-kampanja ta’ Obama f’Iowa.

Iżda l-Erbgħa bil-lejl, Winfrey tefgħet lilha nnifisha fil-keffa tal-Indipendenti, u ħeġġet votanti oħra li jaħsbuha bħalha biex jappoġġjaw id-Demokratiċi Kamala Harris u Tim Walz fil-5 ta’ Novembru 2024.

Id-diskors ta’ Oprah Winfrey waqt il-konvenzjoni kien meqjus bħala “messaġġ qawwi” lill-votanti indipendenti b’mod partikolari biex jivvutaw għal Kamala Harris. Hija tat raġunijiet tajbin ħafna għaliex il-votanti għandhom jagħżlu is-sens komun fuq il-non-sens.

Il-Konvenzjoni ta’ nhar l-Erbgħa bil-lejl inkludiet ukoll diversi persunaġġi ċelebri fosthom Stevie Wonder, Mindy Kaling u Kenan Thompson.

Il-Partit Demokratiku qed jappella lill-partitarji famużi tiegħu biex jgħinu jiġbdu l-attenzjoni favur l-konvenzjoni tagħhom bit-tama li l-preżenza tagħhom iġġiegħel lil kemm jista jkun votanti jitfgħu l-vot tagħhom favur Kamala Harris flk-elezzjoni ta’ Novembru.

Ekonomija

Sport