Monday, April 22, 2024

“Tħallux it-tfal waħedhom fuq il-midja soċjali”

Dr Kari Kivinen, espert fil-EUIPO OBSERVATORY

Aqra wkoll

“Tħallux it-tfal waħedhom fuq il-midja soċjali… dejjem araw xi jkunu qegħdin jaraw u jsegwu.” Hekk stqarr ma’ Talk.mt Dr Kari Kivinen, – Finlandiż – li hu espert fil-EUIPO Observatory.

Dr Kivinen fl-aħħar jiem kien qiegħed f’pajjiżna wara li kien mistieden mill-Ambaxxatur Malti għal Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella.

Hu kellu l-oportunità li jitkellem mal-istudenti tal-Iskola ta’ St. Joseph ta’ Raħal Ġdid kif ukoll mal-għalliema dwar l-użu tal-midja soċjali u kif wieħed jinduna li dak li qed jaqra hu verità jew le.

“Minn dak li skoprejt f’Malta jidher ċar li minn fejn qed iġibu l-informazzjoni l-istudenti huma sorsi differenti minn fejn iġibu l-informazzjoni l-ġenituri u l-għalliema, u għalhekk hu importanti li aħna l-adulti nkunu nafu eżatt x’inhuma jaraw uliedna fuq il-midja soċjali,” sostna Dr Kivinen.

Hu kompla jgħid li minn stħarriġ li sar fost 48 student/a f’Malta waħda biss kienet qiegħda ġġib l-informazzjoni minn fuq il-ġurnali stampati filwaqt li l-maġġoranza kienu qed iġib l-informazzjoni minn fuq it-televiżjoni, Instragram, Tiktok u Youtube.

Min-naħa l-oħra l-istħarriġ li sar fost l-għalliema ħareġ li l-aktar informazzjoni qegħdin iġibuha minn fuq il-portals tal-aħbarijiet u ħadd ma jfittex għal informazzjoni fuq TikTok. L-għalliema jużaw ukoll il-Facebook bħala sors ta’ informazzjoni. “Mela hawn joħroġ ċar li hemm differenzi minn fejn l-istudenti u l-għalliema u anke ħafna drabi l-ġenituri qegħdin iġibu l-informazzjoni. Filwaqt li fil-portals artiklu jkun miktub minn ġurnalisti li jkunu ċċekkjaw il-fatti qabel ħarġu dik l-aħbar… fuq TikTok dawn jinkitbu minn persuni li ma jsegwu l-ebda etika ġurnalistika,” stqarr magħna Dr Kivinen.

Hu tenna li wieħed irid jibda jeduka lill-istudenti u anke lill-għalliema kif għandhom jagħrfu jekk aħbar tkunx fake news jew inkella tkunx reali.
Dr Kivinen qal li bħal donnu l-adulti qegħdin jibżgħu jidħlu fid-dinja tal-midja soċjali tat-tfal tagħhom u dan hu ħafna ħażin għax b’hekk qatt ma nkunu nistgħu naraw jekk dak li qegħdin jaraw uliedna hux tajjeb jew le.

L-espert hawn f’Malta mexxa konferenza bil-kollaborazzjoni tal-Unjin Maltija tal-Għalliema mmexxija minn Marco Bonnici fejn waqt din il-konferenza tkellem dwar żewġ temi importanti dik ta’ informazzjoni żbaljata li qed nirċievu u l-kreattività.
“Dejjem inkun ċar meta nkun qiegħed nagħti taħditiet bħal dawn… qabel tagħmlu ‘like’ u ‘share’ dejjem araw jekk dik l-informazzjoni hix verità,” sostna Dr Kivinen.
Mistoqsi dwar “il-pika” bejn il-portals tal-aħbarijiet u persuni li għandhom paġni fuq il-midja soċjali li jtellgħu huma l-ewwel aħbar, Dr Kivinen sostna li tal-ewwel qatt u qatt ma jistgħu jirbħu lil tal-aħħar.

“Dan għal fatt bażiku li dik il-persuna li għandha paġna fuq il-midja soċjali tisma xi ħaġa u taqbad u tikteb mill-ewwel u ħafna drabi għal din “l-aħbar” ikun hemm ħafna shares u likes… iżda portals tal-aħbarijiet qabel ma jiktbu xi ħaġa jridu jiċċekkjaw mas-sorsi tagħhom biex ikunu ċerti minn dak li qed jiktbu. Għalhekk hu importanti l-punt li dejjem naraw min ikun qed jikteb l-aħbar jekk ikunx iċċekkja l-fatti qabel,” kompla jgħid l-espert.

Hu sostna li ħafna nies jibnu storja f’moħħhom billi jaraw ritratt biss u lanqas biss jipprovaw jaraw jekk dak ir-ritratt hux reali jew inkella maħdum bil-photoshop.
L-espert qal li l-ismartphone kompla jgħin biex tixxerred aktar informazzjoni ħażina u dan billi fis-snin li għaddew jekk tkun trid tfittex xi ħaġa kien ikollok tmur il-libreriji… “illum le tkun fejn tkun tiftaħ il-mobile u fuq google tfittex l-informazzjoni li trid.” Hu qal li jekk ikun hemm artiklu li jkun miktub b’mod anonimu dejjem għadna naqbżuh u importanti li dejjem naraw is-sors min fejn hi ġejja din l-informazzjoni.

Dr Kivinen sostna ma’ dan is-sit li d-dinja dieħla lejn rivoluzzjoni u s’issa ħadd għadu ma jaf fejn se twassalna li hija dik tal-Inteliġenza Artifiċjali. “Ix-xogħol tiegħi u tiegħek sa ftit snin oħrajn se jinbidel minħabba din ir-rivoluzzjoni u għalhekk hu ferm importanti li neduka lit-tfal tagħha dak li verament għandhom ifittxu,” sostna l-Finlandiż.

L-espert kompla jgħid li hemm ġenituri li lanqas biss jafu wliedhom x’inhuma jaraw fuq il-midja soċjali speċjalment fuq Tiktok u dan hu ferm ħażin. Lit-tfal dejjem għandek tara fejn qegħdin ifittxu l-informazzjoni li jkollhom f’moħħhom u mhux aktar nħalluhom weħidhom.

L-iskejjel għandhom jagħtu tagħlim dwar kif wieħed ifittex l-informazzjoni. “Irid ikun hemm strateġija Nazzjonali dwar kif persuna tikseb l-informazzjoni għax wara kollox jekk l-informazzjoni tasal ħażin anke problemi ta’ demokrazija jkollu pajjiż.”

Skont riċerka li saret sabu li anke l-bejgħ tal-kotba qed jiġi determinat minn Tiktok. Sostna li meta tfal qegħdin jaraw reklami fuq Tiktok ta’ xi kotba, l-għada l-bejgħ ta’ dawn qiegħed jiżdied ħafna u ħafna.

Meta mistoqsi dwar pjanijiet għal futur, l-espert qal li kellu laqgħat ma’ rappreżentati tad-Direttorati tal-Edukazzjoni.

“Se nkunu qegħdin naħdmu biex insaħħu l-kollaborazzjoni fosthom dwar materji li jolqtu lil għalliema. Huma se jkunu qegħdin jiġu mistiedna għal laqgħat tal-Education Network biex b’hekk infasslu pjan u aktar azzjonijiet għal futur.”
Fil-Kummissjoni Ewropea u anke fl-EUIPO inqaleb ħafna materjal informattiv u edukattiv bil-Malti biex b’hekk ikun ta’ għajnuna għal kulħadd.

Fl-aħħar snin Dr Kari Kivinen diġà ħadem fuq diversi proġetti fosthom “Welcome to the Facts4All MOOC: Schools Tackling Disinformation” li wieħed jista’ jsib onlajn.

Hu rringrazzja lil Dr Kenneth Vella tal-interess kbir li qiegħed jieħu fix-xogħol li jagħmlu hu u l-kollegi tiegħu biex b’hekk il-ġenerazzjonijiet li se jkollna fil-futur ikollhom l-għodod u tagħrif dwar kif jindunaw jekk ikunx qegħdin jaqraw informazzjoni veritiera jew inkella informazzjoni li wieħed ixerred bl-addoċċ.

Sport