Sunday, November 24, 2024

ARA: Tħossha grata li ħelset mill-periklu li hemm f’pajjiżha u setgħet tkompli tavvanza fl-istudji tagħha

Aqra wkoll

Tliet ġimgħat ilu, f’pajjiżna bdiet topera Università Ukrena – l-International European University (IEU). Fl-artiklu li deher it-Tnejn li għadda fil-ġurnal l-ORIZZONT, ingħad li din l-Università qed toffri akkomodazzjoni b’xejn lill-istudenti u l-għalliema Ukreni, u li l-istudenti Ukreni qed jiġu eżentati milli jħallsu l-ispejjeż marbuta mat-tagħlim tagħhom.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Università sar ilbieraħ filgħodu fil-Gżira. Dan is-sit iltaqa’ ma’ Magdalena Tkach – Ukrena ta’ 17-il sena minn Kyiv li fl-aħħar jiem waslet f’pajjiżna sabiex tibda kors ta’ tliet snin mal-IEU fl-Immaniġġjar u t-Tmexxija tan-Negozju.

Hija qaltilna li tqis il-vjaġġ edukattiv bħala esperjenza importanti f’ħajjitha, kemm sabiex fil-futur tkun tista’ ssib ix-xogħol li tixtieq, kif ukoll biex tkompli tiżviluppa bħala persuna.

Hija saħqet dwar l-apprezzament tagħha lejn l-Università għall-mod kif provdewlhom serħan mill-piż finanzjarju, kif ukoll għal pajjiżna li offrielhom post fiżiku mnejn joperaw; ġest sabiħ li permezz tiegħu tbiegħdet minn dak il-periklu kollu u issa tinsab qawwija u sħiħa, ‘il bogħod mill-gwerra u tgawdi s-sbuħija ta’ pajjiżna.

“Ninsab grata immens li ngħatajt l-opportunità biex inkompli l-istudji tiegħi f’Malta. Is-sitwazzjoni li sibt ruħi fiha meta kont l-Ukrajna kienet waħda perikoluża ħafna. Ma stajtx nibqa’ hemm … attakki mill-ajru, bombi…” saħqet Magdalena.

Għalkemm kellha titbiegħed minn għeruqha, hija qed tħares lejn din l-esperjenza minn lenti pożittiva. Magdalena, bħal bosta barranin oħra, affaxxinat ruħha bit-temp sabiħ li jafu joffru l-Gżejjer Maltin.

Hija fissret li Malta għoġbitha wkoll minħabba li permezz ta’ din l-esperjenza qed ikollha l-opportunità li ssaħħaħ l-għarfien lingwistiku tagħha, fosthom fl-Ingliż, minħabba li l-Università hija miftuħa wkoll għal studenti minn nazzjonijiet oħra: “Nieħu gost niltaqa’ ma’ nies differenti u nitkellmu b’ilsna oħra minflok bl-Ukren … l-Ukrajna kont nitkellem bil-lingwa materna biss … minn dan l-aspett, f’Malta għandi iktar opportunità biex insaħħaħ l-abbiltajiet lingwistiċi tiegħi”.

Hija temmet tgħid li tinsab sodisfatta bl-esperjenza edukattiva li kellha f’dawn il-ġimagħtejn tal-vjaġġ universitarju tagħha.

Sport