Illum, l‑E.T. Dott. Myriam Spiteri Debono, il‑President ta’ Malta, inawgurat uffiċjalment is-16‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq Id‑Dar tal‑Providenza li dis-sena qed ssir fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) Ta’ Qali (North Gate). Hija tasal fi tmiemha nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju 2026, fil-11.00pm.
Erbgħin player, magħżula minn aktar minn sittin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli. L-E.T. Dott. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha qalet li dan l-appuntament annwali jiġbor ir-reżiljenza, l-istamina u fuq kollox il-qalb kbira tal-poplu.

Hija kompliet tgħid li wara l-providenza hemm il-qalb kbira tal-poplu li taf twennes u tħobb. Il-President żiedet tgħid li, “din hija manifestazzjoni li tagħmel lill-poplu uniku fis-solidarjetà li joffri lill-ħaddieħor. Id-Dar tal-Providenza tiddependi ħafna fuq is-solidarjetà u l-ġenoriżità.” Hija ddeskriviet id-Dar tal-Providenza bħala pilastru tal-ġid soċjali ta’ pajjiżna għax kienet minn ta’ quddiem biex min għandu bżonn l-għajnuna jingħata dinjità. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din l-Maratona hija xhieda tas-sens qawwi ta’ volontarjat u solidarjetà li jiddistingwi lill-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa rringrazzja lill-atleti, lill-voluntiera, lill-ħaddiema u lit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza għas-servizz imprezzabbli tagħhom, u ħabbar donazzjoni ta’ €20,000 mill-Fond għall-Kawżi Soċjali biex tkompli tissaħħaħ din il-ħidma importanti. Dr Abela semma kif il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ id-drittijiet u l-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità u tal-adulti vulnerabbli.
Huwa qal dan b’referenza għall-Att dwar l-Awtonomija Personali li jsaħħaħ id-dritt ta’ kull persuna li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha bl-appoġġ meħtieġ, u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli se jsaħħaħ l-intervent f’każijiet ta’ abbuż jew trattament ħażin, li se jibdew japplikaw mill-Ġimgħa 17 ta’ Lulju 2026. Tenna li d-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-liġijiet jimmarka pass importanti lejn soċjetà aktar ġusta u inklużiva. Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef enfasizza li din il-maratona ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu hija xhieda ta’ kif is-solidarjetà u l-isport jistgħu jingħaqdu biex jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
Huwa saħaq li s-solidarjetà tibda billi naraw lill-persuna qabel kollox, u noffrulha l-appoġġ meħtieġ biex tgħix b’dinjità. Hu żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hija impenjata li tkompli tiżviluppa servizzi dejjem aktar personalizzati u bbażati fil-komunità. Huwa rringrazzja lill-40 plejer, lill-voluntiera, lill-BOV, l-isponsor ewlieni, lill-isponsors kollha, lill-media, lill-MFCC u lil dawk kollha li għenu b’xi mod jew ieħor biex jagħmlu din il-maratona possibbli.
Huwa appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex permezz ta’ din il-maratona jkompli jappoġġja lid-Dar tal-Providenza, li teħtieġ madwar €8 miljun fis-sena biex tkompli twettaq il-missjoni tagħha. Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, qal, “L-appoġġ tagħna għad-Dar tal-Providenza huwa kawża tassew għal qalbna. Il-BOV Volleyball Marathon turi b’mod ċar x’jista’ jinkiseb meta l-komunità tingħaqad flimkien b’solidarjetà għal kawża ġusta. Aħna kburin li nappoġġjaw din l-inizjattiva permezz tal-Fondazzjoni BOV u li nagħtu sehemna fix-xogħol imprezzabbli li jsir mid-Dar tal-Providenza.

Il-kontribut tagħna jmur lil hinn mill-appoġġ finanzjarju. Permezz tal-programm ta’ volontarjat għall-impjegati tal-Bank, għadd ta’ impjegati qed jagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħhom għal kawżi bħal din, u dan jirrifletti t-twemmin tagħna li biex tagħmel impatt veru, trid mhux biss tagħti, imma wkoll tkun involut fil-komunità li naqdu.” Preżenti għall-ftuħ uffiċjali kien hemm ukoll l-Onor. Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, l-Onor. Miriam Dalli, Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-Onor. Dott. Byron Camileri, Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onor. Dott. Malcholm Paul Agius Galea, Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, l‑Onor. Graziella Galea, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall‑Inklużjoni, is-Sur Graham Bencini, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, u s-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta, l-isponsor ewlieni tal-Maratona.
Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.
Dawk li jżuru l-maratona fl-MFCC għandhom jistennew atmosfera sabiħa adattata għall-familja kollha, bil-post il-ġdid joffri opportunità eċċellenti biex il-BOV Volleyball Marathon tilħaq livelli ġodda ta’ suċċess. Il-Kunsill Malti għall-Arti, qed jappoġġja din l-attività u qed jaħdem mal-organizzaturi tal-maratona sabiex jiġi ppreżentat programm ta’ divertiment ta’ livell għoli b’artisti ewlenin matul it-tlett iljieli. Lara & The Jukeboys tellgħu spettaklu l-Ħamis filgħaxija, Versatile Brass & Ensemble, il-Ġimgħa, filwaqt lis-Sibt l-Spiteri Lucas Band se tkun il-qofol ta’ Classic Rock Night. Is-Sibt fis-6:30 ta’ filgħodu ser issir ġirja 5K li tibda minn ħdejn it-tinda tal-MFCC Ta’ Qali (North Entrance).
Kull parteċipant se jingħata midalja komemorattiva maħduma apposta għat-tellieqa. Kull min irid jipparteċipa jista’ jirreġistra fuq sabihlitaghti/5k Is-Sibt bejn nofsinhar u l-ħamsa ta’ filgħaxija se jkun hemm DJ takeover b’numru ta’ DJs żgħażagħ, fosthom Miggy, Dodz, Izak, Riolo, Dom u Presko. Waqt il-maratona se jkun hemm Kids Area kbira b’attrazjonijiet u attivitajiet għat-tfal, food court li jinkludi lil Forn tal-Għawdxi, eeetwell u Frullado. L-NGO S.T.A.N.D. li taħdem ma’ żgħażagħ b’diżabilità se jkunu qed itellgħu esibizzjoni ta’ xogħlijiet ta’ arti magħmula minnhom fl-entratura tal-MFCC.Għal aktar aġġornamenti u informazzjoni dwar il-maratona wieħed jista’ jżur is-sit: sabihlitaghti.org.
Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile jew il‑PayPal jew jagħti donazzjoni online fuq wieħed minn dawn il‑kontijiet bankarji tad‑Dar.
€10 – 51602011
€15 – 5170 2012€25 – 5180 2013
€50 – 5190 2070€100 – 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile: 7932 4834
