FC PYUNIK………………..1
MARSAXLOKK………….. 0
(Agg: FC Pyunik 4-0)
Marsaxlokk ġew eliminati mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League wara li tilfu 1-0 kontra FC Pyunik tal-Armenja fil-Vazgen Sargsyan Republican Stadium, f’Yerevan.
B’hekk it-team Malti sofra telfa b’aggregate ta’ 4-0, wara li kien diġà ġie megħlub 3-0 fl-ewwel leg li ntlagħbet fiċ-Centenary Stadium.
Ix-Xlukkajri niżlu għal din il-partita konxji li kellhom quddiemhom missjoni diffiċli ħafna biex idawru r-riżultat tal-ewwel leg. Huma addottaw metodu kawt u dixxiplinat bil-għan li jżommu lill-avversarji taħt kontroll, iżda l-pjan tagħhom sofra daqqa qawwija kmieni fil-logħba.
Fil-fatt, wara biss għaxar minuti, Marsaxlokk spiċċaw jilagħbu b’għaxar players meta l-goalkeeper Christoffer Mafoumbi tkeċċa direttament wara li waqqaf attakkant ta’ Pyunik barra l-kaxxa.
Minkejja dan l-iżvantaġġ numeriku, it-team immexxi mill-coach, Vincenzo Potenza, baqa’ organizzat fid-difiża u wera spirtu kumbattiv biex iżomm lill-Armeni għal ħin twil milli jiftħu l-iskor.
Pyunik kellhom aktar pussess tal-ballun u ħolqu l-aktar opportunitajiet tal-partita. Fl-14-il minuta Kovalenko falla l-mira wara li tentattiv ta’ Iasonas Pikis kien ġie mblukkat.
Anke Marsaxlokk irnexxielhom joħolqu xi azzjonijiet ta’ periklu. Fl-34 minuta Corbalan kellu xutt lejn il-lasti, filwaqt li Jose Arias u Redon Mihana wkoll ippruvaw jinkwetaw lid-difiża Armena. Fl-76 minuta, Nikolai Muscat resaq viċin li jiftaħ l-iskor iżda x-xutt tiegħu ntemm barra.
Madankollu, il-mument li ddeċieda l-konfront wasal, fit-78 minuta, meta Weder Silva waqqa’ lil Momo Yansané fil-kaxxa u r-referee Irlandiż, Aaron O’Dowd, ipponta subgħajh lejn id-disk tal-penalty. Daniil Kulikov ħa r-responsabbiltà tax-xutt mill-11-il metru u b’xutt preċiż għeleb lil Andrea Cassar, li daħal minflok l-imkeċċi Mafoumbi.
Fl-aħħar minuti, it-team Armen ikkontrolla l-andament tal-logħba, filwaqt li Marsaxlokk baqgħu jissieltu minkejja l-iżvantaġġ numeriku, iżda ma rnexxielhomx joħolqu l-opportunità li jerġgħu jidħlu fil-partita.
B’din ir-rebħa, Pyunik ikkwalifikaw għat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni fejn issa se jaffrontaw lit-team Ungeriż Debreceni VSC.
Għal Marsaxlokk, l-avventura Ewropea ntemmet kmieni, iżda t-team jista’ jieħu miegħu xi aspetti pożittivi mill-impenn u l-karattru li wera minkejja li lagħab kważi l-partita kollha b’għaxar players … u minkejja megħluba ma ġewx umiljati.
Pyunik: Henri Avagyan, Filipe Almeida, Sead Islamovic (Iman Griffith 46), Serhiy Vakulenko, Nikos Kenourgios (Vyacheslav Afyan 46), Karlen Hovhannisyan, Daniil Kulikov, Mikhail Kovalenko (Sargis Metoyan 82), Iasonas Pikis (E. Malakyan 60), Artak Dashyan, Hovhannes Harutyunyan (Momo Yansane 60) – Coach: Artak Oseyan
Marsaxlokk: Christoffer Mafoumbi, Weder Silva Soares, Oualid El Hasni, Enrico Pepe (Oleksiy Bykov 86), Juan Carlos Corbalan, Nikolai Muscat, Domantas Simkus (Redon Mihana 54), Joseph Minala (Lucas Caruana 86), Jose Ulises Arias (Ensell Attard 86), Matheus Silva (Andrea Cassar 13), Jorge Ailton Soares – Coach: Vincenzo Potenza
Referee: Aaron O’Dowd (Irlanda)
assistenti: Christopher Campbell, Shane Gerard O’Brien (Irlanda)
Raba’ Uff.: Paul Norton (Irlanda)
Skorers: D. Kulikov 80 pen (P)
Ammoniti: S. Islamovic, S. Metoyan (P); U. Arias, W. Silva, J. Corbalan (M)
Tkeċċa: C. Mafoumbi 10 (M)




