Thursday, December 26, 2024

Tibda ż-żjara tar-Re Karlu III fl-Awstralja

Aqra wkoll

Ir-Re Karlu III u r-Reġina Camilla ngħaqdu ma’ kongregazzjoni tal-knisja f’Sydney matul il-jum tal-Ħadd, fl-ewwel jum ta’ impenji tagħhom fiż-żjara li qed jagħmlu fl-Awstralja. 

Din hija l-ewwel żjara tar-Re fl-Awstralja minn meta sar il-Kap tal-Istat Brittaniku f’Settembru tal-2022 u huwa l-akbar vjaġġ tar-Re minn meta beda jingħata t-trattament għall-kanċer fi Frar li għadda. 

Iż-żjara tagħhom ta’ sitt ijiem f’dan il-pajjiż se tinkludi laqgħat ma’ mexxejja politiċi u komunitarji fost oħrajn. Mal-koppja Rjali ngħaqdu membri tal-Knisja Anglikana ta’ San Tumas fit-Tramuntana ta’ Sydney, għall-quddiesa tal-Ħadd, li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof tal-belt, ir-Reverendu Kanishka Raffel. 

Il-koppja rjali kellhom ukoll l-okkażjoni li jitkellmu ma’ folla ta’ nies li nġabret barra l-Knisja. Roslyn Durie, li kienet rat lir-Reġina fiż-żjara tagħha fl-1980 fl-Awstralja, qalet li kienet “emozzjonata ħafna” wara li ħadet b’idejn ir-Re. 

Sadanittant, barra l-Knisja kien hemm ukoll grupp żgħir ta’ madwar 20 persuna li bdew jipprotestaw u jgħidu li “dak mhuwiex ir-Re tagħna”. 

Ekonomija

Sport