Kapitlu Tlettax, il-grupp tal-hip-hop Malti li dejjem ifittex modi ġodda biex jixpruna l-lingwa Maltija, qed iniedi uffiċjalment l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħu għall-2025, Tibqax Tgħix fil-Passat. Il-kanzunetta, miktuba minn Joseph u Liston, tispikka għall-emozzjonijiet qawwija, li tkompli tikkaratterizza l-mużika tagħhom b’mod profond.
Dan ir-rilaxx isegwi s-suċċess tal-aħħar żewġ kanzunetti tagħhom, Fittex Ejja u Uġigħ Mistur, li kkonfermaw il-preżenza ta’ Kapitlu Tlettax fuq l-aktar klassifiki magħrufa f’Malta. B’Tibqax Tgħix fil-Passat, il-grupp ħares lejn għadd ta’ stejjer reali li jgħaddu minnhom in-nies t’hemm barra. Il-kanzunetta titkellem dwar l-isfidi li familji jgħaddu minnhom waqt separazzjoni u divorzju, kif ukoll l-ansjetà li jħossu l-ommijiet u l-missirijiet kif ukoll it-tfal meta jaraw ħajjithom tinbidel. Tagħti wkoll messaġġ ta’ tama u qawwa, tgħid li mhux tajjeb li wieħed jgħix fil-passat, iżda għandu jħares lejn il-futur.
“Ridna noħolqu xi ħaġa li tista’ b’mod dirett tindirizza lil dawk għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli,” qal Joseph. “Din il-kanzunetta hija dwar il-familji li jgħaddu minn dawn l-isfidi, u nisperaw li jistgħu jaraw lilhom infushom fil-lirika tagħna.”
Liston iżid, “Il-ħidma ma’ Joseph fuq din il-kanzunetta tfisser ħafna għalija, għax apparti li xerridna r-realta’, xtaqna wkoll nuruhom li wara l-maltemp, hemm il-bnazzi u anke jekk le, trid tagħmel l-almu tiegħek biex timxi ‘l quddiem.”
Din il-kanzunetta propju tasal madwar xahar qabel il-grupp Kapitlu Tlettax jieħu sehem f’Mużika Mużika għat-tielet darba. Din is-sena, jippreżentaw Ħsibijiet, kollaborazzjoni ma’ Ema. Infakkrukom li l-kanzunetta tista’ tinstema’ u tintwera’ fuq il-mezzi tal-midja soċjali.