Miktub minn Gaetano Micallef
Waqt l-omelija fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi l-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-imħallfin u l-maġistrati biex ma jkunux kodardi.
Fil-preżenza tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti kif ukoll numru ta’ ġudikanti, huwa nsista li l-ebda imħallef ma jista’ jkun imħallef ta’ vera jekk jibża’ minn dellu.
“Il-paċi li ġġibu intom fis-soċjetà hija dik li anke min ma jaqbilx se jkollu jbati l-konsegwenzi ta’ għemilu, fil-qalb tiegħu, u fil-kuxjenza tiegħu jgħid li l-imħallef kellu raġun”.
Huwa żied li l-ġudizzju tal-imħallfin u l-maġistrati jridu jiġu mhux biss mix-xjenza imma wkoll mill-kuxjenza.
“Trid tiġi minn espressjoni ta’ ekwilibriju, ta’ ‘fairness’, imma wkoll ta’ kuraġġ. Dan se jkun il-paċi ta’ qalbkom. Jekk hemm xi ħaġa li tittormentak, m’għandekx is-serenità biex tagħti ġudizzju”, żied l-Arċisqof.
Preżenti għall-quddiesa kien hemm ukoll, fost oħrajn, il-President George Vella; il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.