Thursday, April 25, 2024

“Il-pressjonijiet fuqna bħala pajjiż għadhom kbar wisq” – Il-PM jibqa’ sod waqt Summit Speċjali fi Brussell

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tħares lejn Mediterran wieħed u mhux settorjali li jinkludi wkoll is-sitwazzjoni bejn Malta u l-Libja inkluż l-immigrazzjoni.

Dr Abela stqarr dan f’kummenti li ta lill-ġurnalisti fl-ewwel jum ta’ Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li fost temi oħrajn qiegħed jittratta l-kwistjoni fil-Lvant tal-Mediterran b’mod partikolari r-relazzjonijiet mat-Turkija u t-tensjoni mal-Greċja u Ċipru dwar il-fruntieri marittimi u r-riżorsi tal-enerġija. 

“Bħala pajjiż morna b’mod iktar ħolistiku li ma nħarsux lejn il-Mediterran settorjalment, lejn il-Lvant tiegħu biss, iżda lejn il-Mediterran b’mod ħolistiku li jinkludi s-sitwazzjoni bejn il-Libja u Malta inkluż l-immigrazzjoni”, qal il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li Malta wasslet il-punt li rridu nħarsu lejn id-diffikultajiet kollha fil-Mediterran.

“Iktar mis-sanzjonijiet nemmnu fit-triq tal-paċi u tad-djalogu u jidher li dik se tkun id-direzzjoni li se jieħu l-Kunsill biex nikkalmaw it-tensjonijiet li hemm fil-mument”, qal Dr Abela waqt li sostna li wieħed jifhem il-pressjoni li hemm fuq il-Greċja u iżjed fuq Ċipru.

Irridu nħarsu lejn Mediterran wieħed u mhux settorjalment ”

Robert Abela

Tenna li jekk se nħallu jew se nżidu t-tensjonijiet mat-Turkija, tista’ tiżviluppa sitwazzjoni li flok tiffaċilità jew ittejjeb is-sitwazzjoni, l-affarijiet jafu jmorru għall-agħar.

Żied li bit-test propost mill-President tal-Kunsill Ewropew, hemm triq ’il quddiem li tista’ twassal għal soluzzjoni fir-rigward ta’ dawn it-tensjonijiet.

Dwar il-patt tal-immigrazzjoni propost mill-Kummissjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li d-diskussjoni għad trid tibda. Żied li dan joffri bażi tajba u Malta kienet katalista bil-vuċi soda li kellha fid-diskussjonijiet biex dan is-suġġett qiegħed mill-ġdid fuq l-aġenda Ewropea.

“Għal tant xhur ftit li xejn sar u sa mill-bidunett li attendejt f’dan il-Kunsill kont vuċi soda fuq dan is-suġġett. Nemmen li llum qed naraw ir-riżultati, iżda fadal ħafna xi jsir,” irrimarka l-Prim Ministru waqt li saħaq li xorta jemmen li għad m’hemmx solidarjetà ma’ pajjiżna u li l-pressjonijiet fuqna bħala pajjiż għadhom kbar wisq.

Il-Prim Minsitru Abela temm jgħid li jinsab fiduċjuż li rridu nibqgħu nżommu l-pressjoni biex dan il-messaġġ jibqa’ jasal u naslu biex il-piż tal-immigrazzjoni illegali ma jerfgħuhx Malta u l-Italja waħidhom iżda jitqassam bejn il-pajjiżi kollha.

Sport