Saturday, December 21, 2024

Tidħol f’magna, itteptep għajnejk u tmut

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kritika għal teknoloġija ġdida għal mewta assistita fl-Isvizzera

Makkinarju ġdid li wassal għal kontroversji u kritika huwa kapsula li tassisti persuna biex tmut, fi kliem ieħor għall-ewtanasja jew suwiċidju. Deskitta bħala kamra tal-gass “glorifikata” minn ħafna, din il-magna f’forma ta’ kapsula moderna mgħammra b’teknoloġija avvanzata, twassal għall-mewt tal-okkupant mingħajr “tbatija kbira” u l-fatt li ġiet introdotta f’pajjiż li fih l-ewtanasja hija pprattikata, l-introduzzjoni tagħha fis-suq seħħ mingħajr intoppi legali.

Ta’ min jippreċiża li l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma żewġ affarijiet differenti. F’każ li persuna tirrikorri għall-ewtanasja din tagħmlu minħabba li hija marida terminali mentri dawk li jfittxu s-suwiċidju assistit, dawn huma persuni li għal xi raġuni jew oħra jkunu jridu jtemmu ħajjithom.

Imsemmija “Sarco”, din il-kapsula f’forma ta’ tebut, tgħin lill-persuni li jidħlu fiha biex itemmu ħajjithom. F’dawn il-ġranet ħarġet l-aħbar li din għaddiet mill-proċess legali fl-Isvizzera u dan minkejja li l-introduzzjoni tagħha kienet ikkritikata bl-aħrax minn dawk li ma jaqblux mal-ewtanasja b’mod speċjali minħabbba l-metodu wżat fiha.

Is-Sarco hija magna li tista’ titħaddem minn ġewwa u tant hija avvanzata li persuna li ma tistax tiċċaqlaq jew titkellem, kulma għandha tagħmel huwa li tteptep għajnejha u tattiva l-proċess tal-ewtanasja. Hija taħdem billi tnaqqas il-livell ta’ ossiġnu fil-kapsula f’livelli baxxi ħafna.

Il-proċess jingħad li jieħu inqas minn minuta u l-mewt tiġi kkawżata minn hypoxia (tnaqqis ta’ ossiġnu fit-tessuti tal-ġisem) u hypocapnia (tnaqqis fl-alveolari u dijossidu tal-karbonju fid-demm). Skont il-persuni li vvintaw din il-magna, il-kapsula tippermetti li “persuna tmut b’mod relattivament bla wġigħ u fil-paċi” imma l-fatt li persuna tispiċċa ma tistax tieħu nifs, il-kritiċi jħossu li m’hiex mewta sabiħa daqs kemm qegħdin jippruvaw ipinġuha.

Svizzera: Aktar minn tliet persuni kuljum jagħżlu mewta assistita 

Il-mewta assistita hija legali fl-Isvizzera u madwar 1,300 persuna s-sena l-oħra użaw is-servizzi tal-organizzazzjonijiet tal-ewtanażja “Dignitas” u “Exit”. Dawn iż-żewġ kumpaniji li jaħdmu bla qligħ jużaw taħlita ta’ drogi f’forma ta’ likwidu li l-klijenti jixorbu ħalli bejn żewġ u ħames minuti jaqgħu f’koma u sussegwentement imutu.

Il-ġurnal “Independent” qal li dan il-pajjiż illegalizza din “il-magna tas-suwiċidju” u hija l-aħħar apparat modern fl-industrija tal-ewtanasja. Dan is-settur jispeċjalizza f’apparat maħdum apposta biex il-klijent imut malajr bl-inqas uġigħ possibbli f’pajjiżi fejn l-ewtanasja u s-suwiċidju volontarju huwa legali. S’issa dan huwa legali fil-Belġju, fil-Kanada, fil-Kolombja, fil-Lussemburgu, fl-Olanda, fi New Zealand, fi Spanja u f’diversi stati tal-Awstralja (Queensland, Tasmania, Victoria, fin-Nofisnhar u fil-Punent tal-Awstralja).

Minkejja li hemm dibattitu jaħraq dwar l-etika tal-ewtanasja u l-użu ta’ apparat simili, hemm pajjiżi li llegalizzaw din il-mewta volontarja għal pazjenti morda terminali rrakkomandati mit-tabib stess tal-pazjenti li  jridu jmutu. 

It-tabib tal-mewt

Is-Sacro ġiet ivvintata minn Dott. Philip Nitschke mlaqqam “Dr Death” (it-tabib tal-mewt), li huwa d-direttur tal-organizzazzjoni “Exit International”. Sacro hija fil-qasir tal-kelma “Sarcophagus”. L-isem ingħatalha għax dan il-makkinarju jintuża bħala t-tebut tal-okkupant hekk kif in-naħa t’isfel tiegħu jinqala’ u l-kapsula tindifen. Il-materjal użat huwa favur l-ambjent – bio degradabbli.

Dan l-apparat mistenni jkun ikkritikat ħafna b’mod speċjali għall-fatt li fih jiċċirkola n-nitroġenu flok l-ossiġinu u b’hekk il-persuna tmut. Uħud ikkomparawh ma’ kamra tal-gass mentri oħrajn ilmentaw li d-disinn futuristiku tiegħu jista’ jwassal biex jagħmel is-suwiċidju attraenti. Minkejja kollox, Sacro għaddiet mil-liġi Svizzera u l-manifattura tiegħu għall-kummerċ mistennija tibda s-sena d-dieħla.

Dott. Nischke f’intervista li kellu fl-2018 ma’ “Granthshala” qal li, “il-gass qatt ma jista’ jkun metodu aċċettat biex jintuża għas-suwiċidju assistit minħabba l-konnessjoni li hemm mal-Holocawst fl-Ewropa. Uħud waslu biex qalu li din il-magna hija kamra tal-gass sabiħa”.

Il-kritika tkompli… “App” għal mewta virtwali

“Exit International” tisħaq li d-disinn eleganti ta’ Sacro għandu l-għan li joffri opportunità lill-okkupant li jħossu sodisfatt u ppreparat “għall-vjaġġ li jmiss”. Dan il-makkinarju huwa mgħammar ukoll b’App tar-realtà virtwali li tippermetti lill-klijenti jesperjenzaw il-mewta tagħhom b’mod virtwali. Din l-esperjenza vitwali, li hija kkritikata wkoll, ġiet introdotta f’Amsterdam, fl-Olanda fil-Funeral Expo tal-2018 u din l-App qiegħda tħasseb lil ħafna professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali u b’mod speċjali għadd ta’ bordijiet reliġjużi.

Jeroen Kramer, chairman tal-Westerick Church Board f’din l-okkażjoni qal li, “Westerkirk qatt m’hija se tagħti s-sostenn jew l-approvazzjoni tagħha f’apparat minn dan it-tabib. Ma nistgħux u, ma rridux naqblu, ma’ użu ta’ apparat ta’ dan it-tip”.

Bħalissa hemm żewġ prototipi ta’ Sacro iżda t-tielet waħda mistennija tkun lesta għall-użu fl-Isvizzera s-sena d-dieħla. Dott Nitske qal li wara li l-lat legali tlesta, bdew u għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ għadd ta’ gruppi fl-Isvizzera li jridu jixtru l-kapsuli għas-suwiċidju assistit. 

Dott. Nitsk qal li wara d-diffikultajiet u l-ispejjeż kbar involuti biex Sacro jkun introdott fis-suq, mis-sena d-dieħla kollox mistenni li jkun implimentat.

FITTEX L-GĦAJNUNA

Is-suwiċidju qatt mhuwa soluzzjoni. Jekk għaddej minn kriżi jew taf lil xi ħadd li jrid iweġġa’ lilu nnifsu, fittex l-għajnuna fuq il-helpline 24/7 tal-Crisis Resolution Malta: 9933 9966. Il-helpline hija bla ħlas u kunfidenzjali. 

Ekonomija

Sport