Friday, November 29, 2024

Tieħu ħsieb aktar minn 200 qattus minn butha

Tikri parti minn razzett għal €800 fix-xahar imma l-ispejjeż huma ferm ikbar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nieħu ħsieb ’il fuq minn 200 qattus u qattusa. Bdejt madwar 13-il sena ilu u dejjem jiżdiedu għax ma tistax tgħid daqshekk. Ninsabu magħfusin fejn jidħlu finanzi imma sibna mod kif in-nies tista’ tgħinna b’affarijiet li tarmi”. Hekk bdiet biex tgħid f’intervista ma’ dan is-sit Anna Vella hi u kompliet bil-ħidma tagħha ta’ kull filgħodu biex tara li l-ebda qattus ma jkun jonqsu xejn.

Vella spjegatilna dwar l-isfidi kbar li personalment taffaċċja biex iżżomm daqstant qtates. Kollox beda minn xi qtates tat-triq li kienet ġabret qrib id-dar tagħha li tħassret u daħħlithom ġewwa, iżda l-imħabba tagħha lejn dawn il-qtates wasslitha f’punt fejn kellha tikri post biex iżżommhom komdi.

“Il-kirja f’dan ir-razzett hija ta’ €600 fix-xahar imma issa se tiżdied għal €800 għax kellna bżonn spazju ikbar u dan mhux qiegħda nsemmi l-ispejjeż tad-dawl u l-ilma, ikel, u l-ispejjeż tal-veterinarji u l-mediċini li jkollna bżonn”, kompliet biex tispjega magħna filwaqt li faħħret lis-sid li hu wkoll iħobb ħafna l-annimali kollha li hemm fil-post.

Hija żiedet biex tgħid li meta marret f’dan ir-razzett bil-kirja kien hemm ħafna qtates fiż-żona u kellha toħroġ aktar flus mill-but biex tat il-kura lil xi wħud minnhom u sewwiet dawn il-qtates li kienu qegħdin jiżdiedu fi proċess inkontrollabbli.

Mistoqsija dwar uħud mill-iktar sitwazzjonijiet diffiċli, Vella qalitilna li sodisfazzjon kbir għaliha li tara qattusa li kienet f’xifer il-mewt wara li ntlaqtet minn tiri llum qattusa mill-isbaħ u tilaq ix-xemx, oħra li nġabret bil-frieħ fi stat li lanqas saħħa timxi ma kellha minħabba kundizzjoni partikolari u llum fil-post jgħixu kemm l-omm u kif ukoll il-frieħ li rabbiet hi b’tant dedikazzjoni u mħabba permezz ta’ bottles kontinwi u oħrajn li għaddejjin bi trattamenti. Dwar dawn tal-aħħar hija qalet li l-iktar ħaġa li tissorprendieha huwa l-fatt li minkejja li jekk taħdem l-ispiża taqbeż l-eluf ta’ ewro fix-xahar, minkejja li taħdem b’voluntiera li joqogħdu fuq pala ta’ id waħda, minkejja kull ostaklu, baqgħet għaddejja dawn is-snin kollha.

Għalija l-aqwa ħlas ta’ dan kollu huwa l-imħabba ta’ dawn il-ħlejqiet li nitpaxxa narahom kuntenti u japprezzaw kull sforz. Mhux qed ngħid li hija xi ħaġa faċli. Lanqas xejn. Jien lanqas biss insuq u biex niġi hawnhekk hija sfida oħra ta’ kull filgħodu. Niġi kmieni qabel is-sebħ biex nilħqu nnaddfu lill-qtates kollha qabel immur għax-xogħol”, kompliet biex tgħidilna hija u tfissed fil-qtates.

Għal dawk li jixtiequ jagħtu donazzjoni jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ Revolut fuq 79053142 jew Bov 99442150. Barra minn hekk din mhix kwistjoni biss ta’ għotjiet finanzjarji hekk kif hemm ħafna affarijiet li jistgħu jkunu utli fosthom fliexken jew vouchers tal-BCRS, wrappings tal-Kwiksave, Nestle u Royal Canin, ikel, deterġenti u boroż taż-żibel suwed.

“Ilni nagħmel dan kollu fil-moħbi għal dawn is-snin kollha. Nemmen ħafna li min jagħmel ġesti bħal dawn irid jagħmel dan mingħajr daqq ta’ trombi imma iva tasal f’punt fejn filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li għenuni fil-passat, nappella lin-nies biex ikollhom ħniena minn dawn il-ħlejqiet li tant japprezzaw”, temmet tgħidilna.

Sport