“Dan it-tifel iżomm il-kelma tiegħu! Għal sena oħra ddeċieda li jagħmel il-ġirja bit-tama li jaqbeż ir-rekord tas-sena l-oħra”. Ħabbar dan Bjorn Formosa permezz ta’ kitba fuq il-pjattaforma ta’ Facebook.
Kruiven Farrugia, tifel ta’ disa’ snin, is-sena l-oħra ġera 5km bil-għan li jinġabru fondi b’risq il-proġett ta’ DAR Bjorn Respite; proġett li mmaterjalizza f’binja ħajja li ġiet inawgurata ftit tal-jiem ilu. Huwa kien irnexxielu jiġbor €5,700. Dan ifisser li rnexxielu jaqbeż is-somma mistennija hekk kif il-mira tal-ALS Malta+ kienet li jiġbru €1 għal kull metru li jiġri Kruiven; jiġifieri somma globali ta’ €5,000.
Fis-7 ta’ Ġunju li ġej, Kruiven se jkun qed jiġri 6k mill-Imdina sa Ħaż-Żebbuġ — ser tintemm quddiem DAR Bjorn.
Kull min jixtieq jgħin f’din il-kawża ġusta, jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu permezz ta’ din il-ħolqa: https://efr.alsmalta.org/kruiven-qormi-zebbug-race-2nd… u jħallas permezz tal-VISA.