Tifel ta’ ħames xhur jinsab fil-periklu tal-mewt u mara u raġel li kienu fl-istess karozza sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku.
Dan seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10.00p.m., fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien.
Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post u mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Renault Captur misjuqa minn raġel ta’ 58 sena residenti s-Swieqi u Honda Fit misjuqa minn raġel ta’ 32 sena residenti l-Iklin. Fil-Honda kien hemm ukoll mara ta’ 31 sena u t-tifel ta’ ħames xhur.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lill-persuni involuti fl-inċident.
L-erba’ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard ir-raġel ta’ 58 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. Il-mara u r-raġel li kienu fil-Honda, sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Noel Bartolo kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.