Sunday, December 22, 2024

Tifel ta’ seba’ snin deher jarmi droga taħt soddtu waqt ir-rejd fil-Belt Valletta

Id-difiża mistennija tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati fis-seduta li jmiss

Aqra wkoll

Bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mar-rejd li l-Pulizija wettqet f’residenza fil-Belt u remissa fil-Marsa fit-23 ta’ Awwissu. Waqt is-seduta, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras  semgħet dwar kif fost l-oħrajn tifel ta’ seba’ snin deher jipprova jaħbi d-droga f’kamartu. Dwar dan il-każ tressqu fil-Qorti Judith Bakoush ta’ 31 sena u Morat Abdikadir Mohammed Naswan ta’ 31 sena, li jgħixu fl-istess dar fil-Belt, u Joseph Borg ta’ 50 sena li jgħix Marsaskala li għandu r-remissa fil-Marsa.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Kevin Pulis li spjega kif fl-aħħar xhur il-Pulizija kienet daħlitilha informazzjoni li f’dar fil-Belt kienet qed issir attività ta’ traffikar ta’ droga u anke użura. Huwa qal kif waqt l-investigazzjonijiet tagħhom il-Pulizija nnutaw persuni huma magħrufa mal-Pulizija kienu jidħlu fid-dar biex jixtru d-droga u joħorġu wara ftit ħin.

Il-pulizija tal-Għassa tal-Belt, dawk tal-komunità, flimkien mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ħadmu flimkien biex fuq ordni tal-Qorti seta’ jsir ir-rejd. Xehed ukoll dwar kif il-pulizija kellha tuża għodda apposta biex tiftaħ il-bibien u t-twieqi peress li d-dar kienet imbarrata kollha bil-ħadid. L-Ispettur Pulis qal ukoll li fir-residenza nstabu żewġ safes li fihom kien hemm ammont sostanzjali ta’ deheb u flus kontanti. 

L-Ispettur Pulis kompla li meta l-pulizija daħlu fir-residenza ta’ Bakoush u Naswan kien hemm tifel ta’ seba’ snin li rawh jipprova jwarrab droga fir-rokna ta’ waħda mill-kmamar fl-istess residenza. Hawnhekk intalbet l-assistenza tal-ħaddiema mill-Aġenzija Appoġġ minħabba l-età tat-tifel u s-sitwazzjoni li kien jinsab fiha. 

Xehed ukoll rigward l-arrestat ta’ Joseph Borg li seħħ f’remissa fil-Marsa ftit tal-ħin wara l-arresti li saru fil-Belt Valletta. Borg, magħruf bħala l-Makari, ammetta mal-Pulizija li kien jieħu d-droga mingħand l-imputati u jbigħha. 

Xehed ukoll l-Ispettur Mark Anthony Mercieca li qal li anke l-bieb ta’ barra kien imbarrat bil-ħadid u li t-tifel instab fuq is-sodda fejn intlemaħ jarmi d-droga fir-rokna. Huwa żied jgħid li fil-post indikat mit-tifel instabet kwantità ta droga fosthom qratas u sustanza kannella. 

Mercieca xehed ukoll dwar oġġetti ta’ valur li ġew elevati mill-Pulizija meta l-imputati diġà kellhom l-assi tagħhom friżati.

Ix-xhud qal li Borg kien ikun fir-residenza tal-akkużati għax kellu problemi finanzjarji u ammetta li kien ibigħ id-droga għall-akkużati fi skambju ma’ ikel u droga għall-użu personali.

Qal ukoll li waqt ir-rejd kienu arrestati diversi persuni oħra b’uħud minnhom qalu li kienu jixtru d-droga mingħand l-akkużati mir-residenza tagħhom fil-Belt.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tkompli fl-14 ta’ Settembru. Dakinhar id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono u Francesca Zarb mistennija titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.

Ekonomija

Sport