Saturday, December 21, 2024

Tifkiriet tal-gwerer

Aqra wkoll

Minn Alfred Sant

Għall-bidu ta’ Novembru jitfakkru ż-żewġ gwerer dinjin tas-seklu 20. Fil-maġġoranza kbira tagħhom, il-popli li jfakkru l-qerda, l-imwiet u l-massakri ta’ dawk il-ġrajjiet imdemmija, ma għandhom l-ebda esperjenza diretta tagħhom. U ħafna minnhom lanqas għandhom esperjenza ta’ xi gwerer oħra – bil-qtigħ ta’ qalb, il-monotonija u l-iskarzezzi li gwerra ġġib magħha. Aktar u aktar meta ż-żmien ta’ dwejjaq jibqa’ jkarkar.

Forsi hu għalhekk ukoll li hemm ħafna nies li qed iħossuhom demoralizzati bl-effetti tal-imxija tal-corona virus. Tlifna kull memorja ta’ ġrajja kerha li bla raġuni ta’ xejn – jew hekk tinħass miċ-ċittadin komuni – donnha se toħnoqlu kull ma hemm sabiħ fil-ħajja li jgħix.

Il-messaġġ li jingħata s-soltu hu dwar kif il-qlubija taċ-ċittadin “komuni”, magħquda mas-sens ta’ solidarjetà u mal-istamina li żżomm sod kontra kull kolp, murija matul il-gwerer, salvaw “lid-dinja”. Narrattiva bħal din għandha tikkalma lil min illum qed iħossu se jaqta’ qalbnu.

Għaliex m’għandhiex tingħad?

***

BIEX JINĦATTU R-REGOLI?

Bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed tlesti biex għal kemm żmien iddum l-imxija tal-Covid 19, tħaffef u tissimplifika ċerti regoli li japplikaw fis-swieq finanzjarji. Dan biex aktar investituri jitħajru jpoġġu flushom fl-impriżi li jeħtieġu aktar fondi minħabba l-imxija, biex iżommu fil-wiċċ. Ir-regoli ddaħħlu wara li l-kriżi finanzjarja tas-snin 2008 – 2012 ħarbtet l-ekonomiji Ewropej.

Qamet kritika li effettivament bl-iskuża tal-Covid, il-Kummissjoni qed tlesti biex tnaqqas il-protezzjoni mogħtija lill-investituri.

Hemm l-argument li fi żminijiet diffiċli, l-investituri jeħtieġu aktar mhux anqas regoli biex jipproteġuhom. Imma “aktar” regoli se jwasslu biex l-investimenti kbar meħtieġa fil-kriżi tal-lum, jibqgħu ma jitfaċċawx.

***

ĦARSIEN TAL-WIRT NAZZJONALI

Bla dubju l-ħarsien tal-wirt nazzjonali fl-oqsma kollha hu priorità. Hemm wisq forzi ekonomiċi u finanzjarji li donnhom għandhom kull interess li dil-ħaġa jnessuhielna biex fl-interess tal-“progress” itellgħu xi mostrożità.

Biss id-difiża ta’ dal-wirt hi wkoll trid issir bis-sens. Mhux kull ħaġa li tinsab madwarna mill-imgħoddi jixirqilha li tinżamm.

Naħseb li dak li ġara jew qed jiġri fil-palazzo Caraffa tal-Belt ipoġġi dawl tajjeb fuq dil-problema. Hemm ħarsien u ħarsien. Il-Knisja ta’ Malta li mid-dehra hi sidt dan il-palzzo kellha tiddefendi ruħha dwar ħidma biex titneħħa struttura li ttellgħet fil-palazzo xi tmenin sena ilu. Kien hemm min ma qabilx u bil-kbir. Imma din l-istess struttura – jekk fhimt tajjeb – kienet hi wkoll, fi żmienha, dnub barbaru kontra l-valur arkitettoniku li jipposjedi l-palazzo. Żgur ma jixirqilhiex tiġi ppriżervata.

L-estremiżmu favur dak li ħallielna l-imgħoddi jista’ jkun oġġezzjonabbli daqs ir-regħba li biha qed jinqerdu aspetti imprezzabbli tal-wirt Malti.   

Ekonomija

Sport