Tifla ta’ disa’ snin mietet fi sparatura f’Liverpool. Ġie rrappurtat li raġel mhux magħruf spara tir ta’ arma ta’ nar f’residenza fiż-żona ta’ Knotty Ash, għall-ħabta tal-10.00 p.m. it-Tnejn li għadda.
It-tifla nqatlet b’tir f’sidirha u mietet l-Isptar. Dan filwaqt li raġel sofra ġrieħi ta’ arma tan-nar u mara kienet milquta b’tir f’idha.
Il-Pulizija ta’ Merseyside bdew minnufih bit-tfittxijiet tagħhom għall-allegat aggressur. L-Assistent Kuntistabbli Jenny Sims qalet li l-isparatura kienet “tassew xokkanti” u li l-ebda ġenitur qatt m’għandu jbati t-telf ta’ ibnu jew bintu f’ċirkostanzi koroh bħal dawn.
“Dan id-delitt huwa ta’ min jistmerru u l-komunitajiet tagħha jridu jresqu ‘l quddiem u jgħidulna min huwa responsabbli,” hija qalet.