Sylvie Yasmina, ta’ 54 sena ta’ nazzjonalità Franċiża ġiet salvata flimkien ma’ wliedha hekk kif żewġha żammha għal 12-il sena sħaħ maqfulha d-dar.
Hija kienet saret tħobb raġel mill-Pakistan li kien qiegħed jgħix b’mod illegali fl-Awstrija u meta nqabad kien tkeċċa mill-pajjiż. Hija kienet iddeċidiet li tmur tgħix miegħu fil-Pakistan.
Flimkien kellhom ħamest itfal u kien iżommhom jgħixu maqfulin f’dar fil-villaġġ ta’ Bara. Aktar minn hekk ta’ kuljum kien isawwathom ħafna.
Kien wieħed mit-tfal li rnexxielu jaħrab mid-dar u mar jgħid kollox lill-pulizija li dawn imbagħad mexxew rejd fejn ġew salvati. Fuqhom instabu ġrieħi ta’ swat kbir u anke kienu jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna.
Il-mara tgħid li dak li ħasbet li kien se jkun il-maħbub ta’ ħajjitha spiċċa offrilha ħajja ta’ vjolenza u li fi 12-il sena qatt ma ħarġet mid-dar.

