Friday, December 20, 2024

Tiġrijiet taż-Żwiemel: Finali tal-Kampjonat Bavaria Gold

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd 23 ta’ April se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Kampjonat Bavaria għall-klassi Gold fejn tnax-il żiemel se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan l-unur li se jinġera fuq distanza ta’ 2640m.

Fil-passat il-Kumpanija GSD Marketing Ltd kienet tisponsorja kampjonati tat-tiġrijiet lokali permezz ta’ ditta oħra li jirrappreżentaw iżda din hija l-ewwel darba li l-birra Bavaria se tkun assoċjata mat-tlielaq tat-tiġrijiet lokali. Meta l-MRTL bdiet tamministra l-Malta Equidrome mill-ewwel ħadu ħsieb li jippruvaw jelevaw il-kalendarju tat-trott lokali b’kampjonati u għalhekk jinsabu sodisfatti li jilqgħu lura lil GSD Marketing Ltd permezz tal-birra Bavaria fejn qed ikunu assoċjati ma’ waħda mill-ogħla kategoriji taż-żwiemel.

Il-Kumpanija GSD Marketing Ltd qalu li huma għandhom impenn sabiex isostnu t-tradizzjonijiet u kultura Maltija u meta wieħed iqis li l-ewwel kienu sitwati Ħal Qormi u issa qiegħdin il-Marsa, żewġ lokalitajiet b’rabta mat-tiġrijiet taż-żwiemel din il-kollaborazzjoni kienet waħda naturali.

Il-finali ta’ nhar il-Ħadd żgur li se tkun waħda ta’ livell meta wieħed iħares lejn dak li ġara kemm fil-heats kif ukoll fis-semi finali ta’ dan il-kampjonat u għalhekk il-polza tal-lum kienet waħda ferm mistennija peress li mhux l-ewwel darba li n-numri tat-tluq għamlu differenza.

Total ta’ €3200 fi premjijiet se jitqassmu fil-finali lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet apparti t-trofej u għata ta’ tifkira liż-żiemel rebbieħ.

Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm is-Sinjura Milena Livada, Kap tas-Sales u l-Marketing fi ħdan GSD Marketing Ltd, il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat.

In-numri tal-finali huma dawn:

1. CIMARRON

2. CAID SLY

3. CIROCO D’AUVILLIER

4. CESSILLAC

5. PRINSEN ONE

6. EDEN PETTEVINIERE

7. GOSSE FREDANO

8. DIAZ DAIRPET

9. TRIOMPHE FERM

10.ELDORADO DE VER

11.EAGLE PASS

12.CALL JACK

Ekonomija

Sport