Saturday, May 4, 2024

L-Ispeaker jitlob lil Karol Aquilina jirtira kliem li qal lil Michael Farrugia

Aqra wkoll

F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ntalab jirtira kliem meqjus bħala mhux xieraq li kien lissen fil-konfront tad-Deputat Laburista Michael Farrugia.

L-Ispeaker qal li s-Sedja tifhem li l-kliem “Jiena nagħmilhielek u mhux infakkarhielek” li l-Onor. Karol Aquilina qal liċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġi, l-Onor. Michael Farrugia, mhux xieraq kontra l-karattru tal-istess Michael Farrugia.

Għalhekk fiċ-ċirkostanzi, l-Ispeaker talab li l-Onor. Aquilina jirtira dan il-kliem. “Is-Sedja tifhem li inti ma ssib ebda diffikultà tritira dal-kliem inkwistjoni fid-dawl li fis-seduta tad-29 ta’ Marzu spjegajt b’mod ċar fejn għedt ‘jien għedtlu ċar u tond li se niżgura li dak li ġara ma jintesiex’.”

Kien hawn fejn id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal: “iva nikkonferma dak li għedt fis-seduta ta’ dakinhar ċoe t-tifsira tal-kliem tiegħi”. L-Ispeaker qal li b’hekk is-Sedja qiegħda tifhem li dawk il-kliem ġew irtirati u sostitwiti.

L-Ispeaker temm iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kamra sabiex kemm jista’ jkun jikkoperaw u jikkomportaw ruħhom bl-aktar mod ċivili meta jkunu qegħdin jindirizzaw lil xulxin.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Michael Farrugia qal li kien qiegħed jaċċetta l-ispjegazzjoni tal-Onor. Aquilina u jittama li bejn il-Membri Parlamentari ikun hemm dejjem rispett.

Sport