Sunday, December 22, 2024

Tinfetaħ l-ewwel kawża Kostituzzjonali minn dawk kontra t-tilqima tal-Covid-19

Aqra wkoll

Fl-24 ta’ Awwissu, grupp ta’ 95 ċittadin fil-gżejjer Maltin ippreżentaw każ fil-Qorti Kostituzzjonali, u sfidaw numru ta’ miżuri “sproporzjonati” meħuda mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika matul l-aħħar 18-il xahar, b’rabta mal-immaniġġjar tal-pandemija tal-Covid-19. 

Huma sostnew li dawn imorru kontra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

L-applikanti, li marru fuq il-gruppi tas-soċjetà ċivili Human Health Alliance u Natural Health Community għall-appoġġ, iddikjaraw li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika persistentement naqset milli tisma’  diversi twissijiet jew tieħu nota ta’ diversi indikazzjonijiet matul l-aħħar ftit xhur, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Huma qalu li dak wera biċ-ċar li t-tnaqqis ta’ numru ta’ drittijiet fundamentali u libertajiet ċivili bażiċi ma kienx ġustifikabbli, raġonevoli, meħtieġ jew proporzjonat.

Sussegwentement, huma qed isostnu li numru ta’ miżuri meħuda permezz ta’ avviżi legali matul l-2020 u l-2021 jiksru d-drittijiet tagħhom. Dawn jinkludu d-drittijiet fundamentali tagħhom għal-libertà tal-moviment kemm ġewwa l-gżejjer Maltin kif ukoll lil hinn minnhom, il-libertà tagħhom li jiltaqgħu, inkluż fil-knejjes tagħhom, id-dritt tagħhom għall-privatezza u l-ħajja tal-familja, id-dritt tagħhom li ma jkunux sfurzati jgħattu wiċċhom fil-pubbliku, id-dritt tagħhom li ma jiġux diskriminati fuq il-bażi tal-għażliet mediċi tagħhom, id-dritt tagħhom li ma jiġux trattati bħala morda meta jgawdu saħħa tajba, fost l-oħrajn.

Il-Human Health Alliance (HHA) u n-Natural Health Community (NHC), li tkelmu f’isem il-95 applikant, iddikjaraw li minkejja li ħafna minnhom ippreżentaw protest ġudizzjarju fil-11 ta’  Novembru, 2020, kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-Ministru tas-Saħħa, fejn talbu biex jippubblikaw mingħajr aktar dewmien ix-xjenza kollha bbażata fuq l-evidenza li waslu biex jittieħdu l-miżuri u r-regolament, dan qatt ma ġie provdut la lilhom u lanqas lill-pubbliku ġenerali.

Huma qed isostnu wkoll li kien hemm ksur tal-libertà ta’ moviment u diskriminazzjoni, fir-regolamenti maħruġa li jipprojbixxu l-moviment ta’ residenti bejn Għawdex u Malta. Huma qalu li peress li qatt ma ġiet iddikjarata l-ebda epidemija fl-ebda minn dawn il-gżejjer, restrizzjonijiet bħal dawn kienu sproporzjonati, irraġonevoli u diskriminatorji. Qalu li l-uniċi persuni li kienu eżentati minn tali restrizzjonijiet “irraġonevoli” u “mhux xjentifiċi” kienu dawk li kellhom ix-xorti tajba li għandhom djar fiż-żewġ gżejjer. Għalhekk qalu li dan kien diskriminatorju ħafna, kif ukoll arbitrarju u elitist.

Il-kawża Kostituzzjonali ġiet iffirmata minn erba’ avukati, Dr Arthur Azzopardi, Dr Keith Borg u Dr Edric Micallef Figallo, kollha minn Azzopardi, Borg u Associates, u Dr Rodolfo Ragonesi, il-Konsulent Legali għall-Human Health Alliance u Natural Health Community. 

Ekonomija

Sport