Il-Kappella tax-Xirka ta’ Marija Omm in-Niket, li tinsab fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, se tingħalaq b’effett immedjat wara li ġew irrappurtati atti ta’ vandaliżmu u attentati biex jinfetħu xi oqbra li jinsabu ġewwa l-kappella.
Fi stqarrija, il-Pirjol u l-Komunità tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu spjegaw li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġew infurmati b’dawn l-atti, li tqiesu bħala ta’ tħassib serju.
Huma saħqu li dawn l-azzjonijiet juru nuqqas ta’ rispett lejn il-mejtin u jistgħu joħolqu wkoll riskji sanitarji u perikli għas-saħħa pubblika.
Għaldaqstant, minn issa ’l quddiem, il-kappella se tibqa’ tinfetaħ biss għal quddies organizzat minn gruppi, pellegrinaġġi parrokkjali jew komunitajiet reliġjużi, u dan bil-permess minn qabel tal-Pirjol.
Il-Patrijiet Dumnikani appellaw lill-pubbliku biex jifhem u jirrispetta din id-deċiżjoni, li ttieħdet b’sens ta’ responsabbiltà sabiex jiġu mħarsa d-dinjità tal-post sagru u r-rispett dovut lejn dawk li jinsabu midfuna fih.
