Saturday, December 21, 2024

Tingħaqad il-gverta tal-flyover tal-Gudja u tibda titpoġġa dik ta’ Ħal Luqa

Aqra wkoll

Wara li fil-bidu tal-ġimgħa ngħaqdet il-gverta tal-flyover ġdida li qed tinbena fil-Gudja bħala parti mill-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), mill-bieraħ filgħaxija Infrastructure Malta bdiet ittella’ f’posthom l-istrutturi tal-azzar li se jiffurmaw il-flyover ta’ Ħal Luqa.

Il-flyover ħdejn l-Ajruport se tkun twila 400 metru u magħmula minn seba’ biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata. Din isserraħ fuq ħames kolonni tal-konkos u ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop.

Wara li l-gverta ngħaqdet kollha, fix-xhur li ġejjin il-kuntratturi tal-proġett se jkunu qed jagħmlu l-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex tifforma l-flyover, fejn huwa ppjanat li din tkun tista’ tinfetaħ għall-użu mill-pubbliku lejn l-aħħar tas-sena. 

Malli l-istrutturi tal-azzar tal-flyover tal-Gudja tpoġġew kollha f’posthom, xogħol li sar kollu mal-lejl, Infrastructure Malta bdiet minnufih operazzjoni simili biex jinġarru l-istrutturi tal-gverta tal-flyover ta’ Luqa Junction Project li qed isir biswit KTAIP. Din il-flyover ta’ 225 metru se jkollha sitt strutturi simili li jiżnu 280 tunnellata li se jkunu qed jingħaqdu flimkien matul l-iljieli li ġejjin. 

L-istrutturi taż-żewġ flyovers inħadmu ġewwa fabbrika f’Sevilja, mill-kumpanija Megusa li għandha storja ta’ 180 sena u kienet responsabbili mill-bini ta’ strutturi simili u pontijiet kbar fi Spanja. Iż-żewġ proġetti flimkien se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta u se jkunu kofinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport