Wednesday, December 25, 2024

Tinsab kburija li se tkun qiegħda xxejjer il-bandiera Maltija f’Nizza

Aqra wkoll

Yulan Law hi l-ambaxxatriċi Maltija li se tieħu sehem fil-Junior Eurovision Song Contest li se jsir nhar il-Ħadd li ġej fil-belt ta’ Nizza fi Franza. 

Law diġà tinsab f’dan il-pajjiż sabiex tħejji ruħha għal dan l-akbar festival Ewropew fejn jirrigwardja żgħażagħ u magħha għandha wkoll il-kontinġent li se jkun qed jgħinha sabiex kollox ikun lest għas-serata tant importanti tal-Ħadd li ġej.

Ma Yulan Law, il-Ħadd li ġej se jieħdu sehem 15-il finalist ieħor, f’serata li hu stmat li se jsegwuha aktar minn 45 miljun telespettatur.

Sadanittant, minn nhar il-Ġimgħa li ġej, il-pubbliku mħeġġeġ jivvota għal Yulan permezz tas-sit elettroniku tal-Junior Eurovision Song Contest.

Dan iis-sit tkellem b’mod virtwali ma’ Yulan Law fejn saqsejnieha xi mistoqsijiet partikolari ftit sigħat qabel ma marret lejn Franza.

Kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

“Tista’ tgħid li sa minn meta bdejt nitkellem, ommi tgħidli li kont inkanta wkoll. Il-familja tiegħi hi dilettanta kbira tal-mużika u għalhekk mingħajr ma trid huma xprunawni sabiex saħħaħt dan il-passatemp. Bdejt nitgħallem iktar kif għandi nsaħħaħ il-vuċi tiegħi u ftit ftit komplejt insaħħaħ it-talenti tiegħi u issa qiegħda hawn ftit jiem bogħod milli nirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest.”

Law tgħidilna li kienet eċitata ħafna kif semgħet isimha li kien ifisser li hi rebħet il-Junior Eurovision Song Contest. Tgħid li minn moħħha u qalbha għaddew sensiela ta’ emozzjonijiet li diffiċli tispjegahom. Madankollu hi kienet ferm sodisfatta li waslet għal dan it-tragward u qed twiegħed lill-Maltin u lill-Għawdxin li se tagħti l-mija fil-mija tagħha sabiex tirnexxi f’dan il-konkors mużikali. 

Saqsejna lil Yulan Law dwar kif tara x-xena mużikali lokali fil-preżent. “Jien ngħid li l-industrija tal-mużika qed tikber dejjem aktar. Qed naraw aktar artisti u gruppi mużikali joħorġu aktar fil-beraħ u jesponu t-talenti tagħhom mal-pubbliku u din hi xi ħaġa ferm sabiħa. Nemmen li lokalment mexjin fid-direzzjoni t-tajba.

Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq mal-istudji tagħha fl-iskola u mal-mużika fl-istess ħin għax kif wieħed jista’ jinduna, it-tnejn fihom l-impenn importanti tagħhom?

Hi tgħidilna li l-ewwel u qabel kollox irid ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol jew skola u l-mużika jew sport li tkun qed tipprattika. Temmen dak li bl-Ingliż insejħulu time management jew aħjar kif tkun kapaċi tqassam ħinek kif suppost. Ovvjament mhux xi ħaġa li ġġibha malajr iżda ftit ftit titgħallem tagħmel kollox f’ħinu u f’waqtu.

Saqsejna lil Law kif qed tħares lejn din il-parteċipazzjoni tagħha fil-Junior Eurovision Song Contest.

“Ngħid il-verità li kelli xewqa sa minn meta kont żgħira li nipparteċipa f’dan l-akbar konkors li jeżisti fl-Ewropa fejn għandha x’taqsam il-mużika. Għalija hi xi ħaġa speċjali li se nkun qed ngħaddi minnha fejn se nkun qed inxejjer il-bandiera Maltija bl-aqwa mod possibbli.

Law qed tħares lejn il-futur tagħha b’pożittività kbira. Hi qalet li tixtieq tkompli tiżviluppa u għandha ħafna objettivi li jidhru kemm jidhru diffiċli, hi kapaċi taffaċċjahom bl-aqwa mod possibbli. Hi diġa’ kuntent fejn waslet iżda taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed. Hi tgħid li tixtieq tikber bħala artista mużikali u temmen li kapaċi tagħmilha b’impenn, dedikazzjoni u sagrifiċċju kbir.

Finalment tlabna lil Yulan Law sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalha jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“L-ewwel u qabel kollox, ngħidilkom biex ma taqtgħu qalbkom qatt. Emmnu fikom infuskom u ġaladarba tagħmlu dan, kolloxj jiġi waħdu. Qatt tinsew minn fejn bdejtu, żommu saqajkom mal-art u s-suċċess jasal bil-mod il-mod.”

Ekonomija

Sport