Monday, May 13, 2024

Tfal Ukreni maħtufin adottati mir-Russi

Aqra wkoll

F’kull gwerra ħadd ma hu rebbieħ anzi kulħadd huwa tellief. Imma agħar minn hekk huwa l-fatt li jkun hemm min jinqeda bil-gwerra biex jivvantaġġja lilu nnifsu mingħajr ebda rispett lejn id-drittijiet umani, anki saħansitra bi ksur sfaċċat tal-liġijiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal

Dokumenti żvelati mill-BBC jikxfu kif dan l-aħħar alleat politiku ewlieni ta’ Vladimir Putin adotta tifla ta’ sentejn  li kienet inħatfet minn dar tat-tfal Ukrajna fl-2022. L-isem ta’ Sergey Mironov, mexxej ta’ partit politiku Russu li llum għandu 70 sena, ġie msemmi fir-rekords ta’ adozzjonijiet ta’ tifla ta’ sentejn. Ir-rekords żvelati juru li l-identità tat-tifla nbidlet fir-Russja.

It-tifla, li oriġinarjament jisimha Margarita, kienet waħda minn 48 tifel u tifla li għebu mid-Dar Reġjonali tat-Tfal ta’ Kherson meta l-forzi Russi ħadu l-kontroll tal-belt. Dawn huma fost madwar 20,000 tifel u tifla li, skont il-gvern Ukren, ttieħdu mill-forzi Russi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa fl-2022.

Aktar kmieni din is-sena l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet mandati ta’ arrest għall-President Vladimir Putin u l-Kummissarju tiegħu għad-Drittijiet tat-Tfal, Maria Lvova-Belova, għall-allegata deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni lejn territorji kkontrollati mir-Russja, bl-intenzjoni li jitneħħew b’mod permanenti. minn pajjiżhom stess.

Il-gvern Russu kull darba jiċħad li jiddeporta tfal Ukreni, iżda jgħid li l-għan hu li t-tfal jevakwahom biex jagħtihom protezzjoni mill-gwerra.

Investigatur Ukrena dwar id-drittijiet tal-bniedem, Victoria Novikova qed taħdem biex issir taf x’ġara minn Margarita u t-tfal l-oħra. Novikova ħejjiet dossier ta’ evidenza ġdida għall-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Ukrajna, li se jgħaddih lill-Qorti Kriminali Internazzjoinali.

Il-misteru li jdawwar il-każ ta’ Margarita beda meta mara dehret fl-isptar tat-tfal ta’ Kherson, fejn it-tifla ta’ 10 xhur kienet qed tingħata l-kura għal attakk ta’ bronkite f’Awwissu tal-2022. Margarita kienet l-iżgħar residenti tad-dar tat-tfal li kellhom problemi mediċi, jew li l-ġenituri tagħhom kienu tilfu l-kustodja tagħhom jew mietu.

Omm Margarita kienet ċediet il-kustodja ftit wara t-twelid tagħha minn missier mhux magħruf.

Dr Nataliya Lyutikova li kienet responsabbli mill-kura tat-tfal fl-isptar tirrakkonta li kienet irċeviet telefonati mill-uffiċjal Russu li kien tpoġġa responsabbli mid-dar tat-tfal li ripetutament talab li Margarita tintbagħat mill-isptar lura lejn d-dar tat-tfal immedjatament.

Ġmgħat wara, Igor Kastyukevich, deputat parlamentari Russu liebes ħwejjeġ militari wasal fid-dar u ma’ uffiċjali oħra u beda jorganizza d-deportazzjoni tat-tfal li kien fadal, inkluż ħu Margarita Maxym fejn ingħad li kienu se jittieħdu f’kundizzjonijiet sikuri fil-Krimea. Il-Krimea ġiet annessa mir-Russja fl-2014. 

F’dokument li ġie żvelat tissemma mara li l-midja soċjali kkonfermat li kienet il-mara misterjuża li ħadet lil Margarita. Wara aktar tkixxif, kien skopert li l-istess mara taħdem fil-parlament tar-Russja, għalkemm mhux ċar f’liema kapaċità, u għandha proprjetà f’Podolsk, qrib Moska.

L-investigazzjoni dwar x’sar minn aktar minn 40 tifel u tifla meħuda mill-forzi Russi mid-dar tat-tfal f’Kherson kixfet ukoll ċertifikati tat-twelid iffalsifikati, adozzjoni sigrieta u traċċa ta’ evidenza li twassal anki għas-sehem tal-parlament Russu f’dan kollu.

Sport