Sunday, March 16, 2025

Tintemm l-avventura għall-Maltin fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker

Aqra wkoll

Il-Sibt, il-kontingent Malti iffurmat minn sitt żgħażagħ li l-eta’ tagħhom kienet tvarja minn 12-il sena sa 20 sena temm l-impenji tiegħu waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li kien organizzat mill-European Billiards and Snooker Association f’Antalya, t-Turkija.

Matul din il-ġurnata saru  l-aħħar logħbiet tal-fażi tal-gruppi għal kategorija ta’ taħt il-21 sena, fejn minn sitt logħbiet li fihom ħadu sehem plejers Maltin, ġiet irreġistra rebħa waħda. Kif wieħed seta’ jantiċipa f’din il-kategorija ħadd ma kkwalifika għat-tieni fażi pero’ r-rebħa li wettaq Matthias Debono kienet netta. Huwa rebaħ 3-0 bl-iskors tal-frames ikunu; 55-46, 66-19, 57-11. Debono peress li għandu 20 sena setgħa jikkompeti f’din il-kategorija biss. L-avversarju taż-żgħażugħ Malti kien Jenson Schmid, l-uniku kompetitur li rrappreżenta l-Isviżżera.

B’dan ir-riżultat il-plejers Maltin kollha rebħu matul il-fażi tal-gruppi ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-Juniors. Jake Castaldi li għandu 15-il sena bla dubju kiseb l-aqwa riżultati hekk kif irnexxielu jasal mal-aħħar 16 f’żewġ kategoriji differenti, dik ta’ taħt is-16 u anke’ ta’ taħt it-18.

Il-kontingent tal-irġiel li ser jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew il-Ħadd mistennija jaslu t-Turkija fejn it-Tnejn jibdew bl-impenji tagħhom waqt din l-edizzjoni. Is-seba’ plejers Maltin li marru Antalya huma Aaron Busuttil, Brian Cini, Chris Peplow, Alex Borg, Arthur Cachia, Philip Ciantar u Joseph Casha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport