Friday, December 27, 2024

Tinżamm arrestata wara li ġiet mixlija b’serq

Aqra wkoll

Cherise Mifsud ta’ 27 sena mill-Belt Valletta nżammet arrestata wara li tressqet fil-Qorti mixlija li wettqet żewġ serqiet waqt li kienet fuq libertà proviżorja fuq każ separat.

Fil-Qorti nstema’ kif is-Sibt li għadda, il-Pulizija kienu rċevew rapport dwar argument f’residenza u meta marru fuq il-post u tkellmu mal-persuni li kien hemm ġewwa, wieħed mill-uffiċjali nnota lil Mifsud taġixxi b’mod suspettuż.

L-aġir tagħha qanqal suspett fl-uffiċjali li hija setgħet kienet taħbi xi droga fuqha. Dak il-ħin ġiet arrestata imma minn aktar investigazzjonijiet li saru, u anke minn eżamijiet li saru mit-tobba f’Mater Dei, instab li hija ma kellha l-ebda droga fuq il-persuna tagħha.

Madankollu waqt li kienet għadha l-isptar, Mifsud reġgħet kienet arrestata, din id-darba fuq suspett li wettqet serq ta’ flus kontanti minn residenza fil-Gżira nhar il-5 ta’ Settembru u li allegatament serqet żarbun minn boutique hotel fid-9 ta’ Settembru.

Mifsud wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha iżda baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Francesca Zarb dehret għal Mifsud.

Ekonomija

Sport