F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar id-dettalji tal-attivitajiet li se jkunu qed isiru b’rabta mal-festa tal-Imnarja fil-Buskett, wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
Il-Ministru spjega li dawn l-attivitajiet se jkunu qed jittellgħu fuq jumejn. Din is-sena, apparti li se jkomplu jitħarsu t-tradizzjonijiet tal-Imnarja, se tingħata wkoll xejra moderna b’enfasi akbar fuq l-aspett edukattiv, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa tenna li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-Gvern qed ikompli jwettaq il-proposti mill-Manifest Elettorali li jkompli jagħti ħajja lill-attivitajiet u festi agrikoli sabiex iservu ta’ vetrina għall-prodott lokali.
It-Tlieta 28 ta’ Ġunju fil-17:30 se tingħata bidu għall-festa tal-Imnarja billi tittella’ parata mir-Rabat lejn il-Buskett. Fil-Buskett, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn esebizzjoni ta’ frott u ħaxix, kif ukoll esebizzjoni ta’ tjur, fniek, klieb, żwiemel u annimali indiġeni. Se jkun hemm ukoll programm sħiħ ta’ għana tradizzjonali.
L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju l-attivitajiet fil-Buskett jibdew b’quddiesa fis-06:00, u wara tinfetaħ il-wirja u jibdew il-kompetizzjonijiet tan-nagħaġ, il-mogħoż u l-bovini. Se jitkomplew ukoll l-esebizzjonijiet tal-ġurnata ta’ qabel u l-pubbliku se jkun jista’ jduq ikel tradizzjonali Malti. Se jkun hemm żona sabiex jilagħbu t-tfal u ħafna attivitajiet oħra għall-familji kollha.
“Il-festa tal-Imnarja hija ferm importanti fil-kalendarju kulturali Malti. Bla dubju, illum titqies bħala l-akbar festa agrarja f’Malta li fiha niċċelebraw il-bżulija u l-ħidma ferm siewja tal-bdiewa u r-raħħala tagħna,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.