Il-football Malti jinsab f’luttu meta nhar l-Erbgħa li għadda tħabbret il-mewt tal-player leġġendarju ta’ Sliema Wanderers MAURICE WALSH fl-età ta’ 91 sena.
Maurice twieled fis-16 ta’ April, 1930, fl-Isla, iżda l-familja tiegħu marret togħqod f’Tas-Sliema waqt li kien għadu tarbija.
Huwa tgħallem il-logħba tal-football fit-toroq Slimiżi u meta kellu 13-il sena ngħaqad ma’ Gzira Raiders.
Dan wara li huwa kien jaħdem it-Tarzna bħala Yard Boy fejn beda jiżviluppa t-talenti tiegħu mat-team tax-xogħol flimkien mal-famużi Lolly Cuschieri u Emanuel Abela.
Mill-ewwel wera t-talenti tiegħu u ma damx biex ġibed l-attenzjoni tal-club ta’ Sliema Wanderers fejn fl-1944-45, kien ingaġġah mat-team tal-Minors u anke ġie promoss mat- timijiet tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni.
Fil-frattemp huwa lagħab ukoll ma’ Sliema Eagles FC, li kien it-team tal-Parroċċa ta’ Sacro Cour. Kienu jilagħbu f’kampjonat kompost minn timijiet ta’ diversi parroċċi.
Ma’ kinetx sorpriża li għamel id-debutt fl-ogħla diviżjoni bil-flokk blú, fil-15 ta’ Jannar, 1949, fir-rebħa ta’ 3-2 fuq Floriana, fejn wettaq rekord tal-aktar goal skorjat fl-iqsar ħin, 20 sekonda, meta mill-kick-off huwa bidel il-ballun darbtejn ma’ Tony Nicholl. Huwa skorja wkoll fis-26 minuta filwaqt li d-debuttant John Vella (36) skorja t-tielet goal. Il-goals ta’ Floriana waslu minn Lolly Borg (71, 74).
Il-formazzjoni tal-Wanderers kienet: Lolly Rizzo, Donald Mercieca, Emmanuel Borg, Gejtu Sacco, Eddie Cole, Louis Caruana, Ġużi Camilleri, Maurice Walsh, Tony Nicholl, John Vella, Maurice Decesare.
Iżda huwa ġie magħżul biex jilgħab f’din il-partita wara li, fis-6 ta’ Jannar, huwa ġie utilizzat fit-tieni taqsima kontra t-team Awstrijak, SK Rapid, fil-Christmas Tournée. Minkejja li l-Wanderers kienu sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0, Maurice kien wieħed mill-aqwa players tat-team Malti.
Maurice ġie magħżul ukoll biex jilgħab għal Malta. Huwa kien jifforma parti mat-team ta’ Taħt it-23 sena li lagħab fit-tournament ta’ Palermo, fl-1949 (v Lombardia 1-5; v Sicilia XI 3-2). Huwa kien ukoll intgħażel mal-Pick Malta fejn iddebutta nhar it-8 ta Jannar, 1950 fid-draw ta’ 1-1 kontra SK Wien (Awstrija). Iżda dik li kellha tkun partita kbira għal Maurice, nhar is-6 ta’ Jannar, 1952, fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Gothenburg, fejn kien ukoll fost l-iskorers, spiċċat f’katastrofi wara li weġġa’ l-irkoppa liema injury baqgħet tikkalpestah matul il-karriera tiegħu kollha.
Huwa lagħab partita waħda għal Malta, nhar it-8 ta’ Marzu, 1959, fid-draw ta’ 0-0 tal-logħba ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija, li ntlagħbet fi Stade Municipale, f’Belvedere, f’Tunis, meta kien daħal bħala sostitut fil-post ta’ Eddie Mizzi.
Minħabba l-injury f’irkopptu huwa kellu jħalli lil Sliema, fl-1962. Iżda kien ġie avviċinat minn Senglea Athletic biex jingħaqad magħhom fit-Tielet Diviżjoni, iżda lagħab erba’ logħbiet biss matul dak l-istaġun. Tmien snin wara, fl-1970, reġa’ lagħab staġun ma’ Senglea.
Sandanittant, fl-1955 u fl-1958 lagħab fil-kampjonat Għawdxi ma’ Victoria Athletics u Nadur Olympians bħala guest player.
Interessanti huwa l-fatt li fl-istaġun 1959-60, il-club ta’ Sliema ried li jitrasferixxh lil Marsa bi tpartit ma’ Alfred Abela “l-isteak” minħabba l-injury persistenti li kellu. Iżda huwa ma riedx jiċċaqlaq minħabba li ma riedx jidħak bit-team ta’ Marsa u proprju dak l-istaġun kien indikazzjoni li l-karriera tiegħu kienet qed toqrob fi tmiemha.
Iżda kif sofra din l-injury?
Huwa sofra din l-injury mal-Pick Malta fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Gothenburg, fejn il-goals waslu proprju minnu, Leli Saliba u Salvinu Schembri. F’din il-logħba il-goalkeeper, Lolly Rizzo (li dak iż-żmien kien jilgħab ma’ Sliema Wanderers), kien salva penalty.
L-inċident seħħ fis-60 minuta. Waqt azzjoni offensiva Maltija, Maurice kien skorja bir-ras iżda l-goal ma ġiex konvalidat minħabba li kien għamel kuntatt mal-goalkeeper avversarju bil-konsegwenza li waqa’ mal-art fejn difensur avversarju rikeb fuq irkopptu x-xellugija u ċarratlu l-ligamenti.
Dam barra mill-azzjoni għal ġimgħat sħaħ iżda tant kemm kien determinat li jibqa’ jilgħab … li saħansitra beda jilgħab bl-irkoppa minfuħa.
Huwa kellu bżonn li jsirlu intervent kirurġiku u fil-fatt ġie operat darbtejn fi spazju ta’ 11-il xahar minħabba li wara l-ewwel operazzjoni, irkopptu baqgħet difettuża.
Huwa kellu jagħmel it-tieni operazzjoni wara li kien Għar-id-Dud jippassiġġa u rkopptu llokkjatlu għal kollox, tant, li kellu jittieħed lura d-dar b’taxi.
Dawn iż-żewġ operazzjonijiet affettwawh moralment u psikoloġikament, konxju mill-fatt li siequ ma baqgħetx li kienet bil-konsegwenza li baqa’ barra mill-azzjoni għal bosta xhur.
Iżda darba fost l-oħrajn huwa kien irċieva l-aħbar li l-club ta’ Sliema kien irċieva telegramma mingħand dak Ingliż ta’ Southampton li kien qed juri nteress fih fejn għamillu offerta biex immur għal prova magħhom. Peró kellu jabbanduna kollox minħabba li kienet opportunitá mitlufa għax ma setax jaċċetta din l-istedina minħabba s-sitwazzjoni ta’ rkopptu.
Huwa dam biex reġa’ kiseb postu fit-team Slimiż u għamel sena jilgħab f’dak tar-Reserves … sakemm fil-25 ta’ Novembru, 1956, lagħab fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Hamrun Spartans fejn kien ukoll skorja l-ewwel goal. Minn dik il-logħba kienu bidlulu l-pożizzjoni minn inside-right għal attakkant fuq il-faxxa laterali.
Lil Maurice kienu jsejħulu l-Golden Boy minħabba li kien l-uniku wieħed fost sħabu b’xagħru safrani li kien ileqq għax kien jidilku bil-brillantina.
Minbarra l-football, Maurice kien ukoll rinomat għall-billiards.
Kien ilu jilgħab din il-logħba mindu kellu 13-il sena hekk kif wara t-taħriġ mal-Wanderers kien jibqa’ sejjer jilgħab il-billiards.
Huwa lagħab f’diversi kampjonati lokali fejn rebaħ il-kompetizzjoni ta’ l-”Ingliża” darbtejn u rebaħ ukoll il-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni darbtejn ukoll bl-aħħar wieħed ikun fl-2001.
Barra minn hekk rebaħ il-kampjonat organizzat mill-MLP kif ukoll champion għal għaxar snin ta’ Sliema Sport Association.
Punt interessanti wkoll huwa li Maurice kellu n-neputi, Shawn Tellus (it-tifel tat-tifla), li lagħab fl-ogħla diviżjoni Maltija, bejn l-1999 u l-2010, ma’ Sliema Wanderers, Balzan Youths, Marsaxlokk, Qormi u Dingli Swallows, b’total ta’ 97 partita li fihom skorja żewġ goals.
Il-funeral ta’ Maurice se jsir għada, is-Sibt, fis-Santwarju tal-Madonna tas-Sacro Cour, Tas-Sliema, fid-9.00 am. Minn dawn il-kolonni nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill- familja u lill-ħbieb tiegħu.