Friday, April 19, 2024

Snooker: Neil Robertson fis-semi-finali ta’ The Masters

Aqra wkoll

L-Awstraljan Neil Robertson huwa l-ewwel player li għadda għas-semi-finali tal-Masters li qed isir f’Alexandra Palace, Londra, meta fl-ewwel kwarti-finali għeleb lil Ronnie O’Sullivan 6-4.

F’logħba ta’ kwalitá, Robertson fetaħ vantaġġ ta’ 2-0 bi breaks ta’ 119 u 56 b’O’Sullivan jikseb id-draw inkluż break ta’ 66.

Mill-ħames sad-disa’ frame kull player rebaħ frame iżda Robertson ħa wkoll l-10 wieħed biex kompla javvanza meta għamel breaks oħra ta’ 56, 50, 130 u 54 u O’Sullivan għamel tnejn ta’ 102 u 68.

Sadanittant, Kyren Wilson żamm l-istorja milli tirrepeti ruħha hekk meta għeleb lil Stuart Bingham 6-5.

Il-logħba rriflettiet il-laqgħa l-oħra tal-Masters ta’ Wilson u Bingham tal-2020 meta f’dik l-okkażjoni Bingham irkupra minn 4-1 minn taħt biex rebaħ 6-4 u kompla sejjer biex rebaħ it-titlu. 

Wilson kellu bidu mill-aqwa meta breaks ta’ 57, 82 u 79  rawh imur 3-0 minn fuq. Bingham baqa’ f’kuntatt f’nofs is-sessjoni bi break ta’ 96 biex mar 3-1 minn fuq.

Meta reġgħu bdew Wilson għamilhom 4-1 bi break ta’ 83, iżda mbagħad il-partita daret fuq rasha fis-sitt frame li kien wieħed drammatiku. Wilson kellu ċ-ċans jirbħu, iżda b’mod onorevoli ddikjara foul fuqu nnifsu fuq l-aħħar ħamra u bi break ta’ 20 Bingham rebaħ il-frame hu.

Bingham għamilhom 4-4 b’139, Wilson wera r-rieda tiegħu meta rebaħ d-disa’ frame, iżda Bingham irrifjuta li jċedi meta break ta’ 132 daħlu fil-frame deċiżiv li ntemm favur Wilson.

Illum: Judd Trump v Kieran Wilson (2.00 pm); Barry Hawkins v Mark Selby (8.00 pm).

Sport