Sunday, December 29, 2024

Tislima lill-2022

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Is-sena li dalwaqt tintemm rat l-industrija tal-films tirkupra minn sentejn ta’ pandemija, fejn kellna numru ta’ teatri magħluqa għall-ewwel darba fl-istorja.
Fil-box office globali, kellna żewġ films li qabżu d-dħul ta’ biljun dollaru. Dawn huma “Top Gun: Maverick” u “Jurassic World: Dominion”. Interessanti li l-box Office globali ma kellix fuq nett film tas-super-eroj tal-Marvel jew xi episodju minn ‘Star Wars’ bħal ma kellna mill-2015 ’l hawn bl-eċċezzjonali fis-sena li bdiet il-pandemija fl-2020. Dak in-nhar il-film bl-akbar dħul kien film Ċiniż.

Is-suq Ċiniż ma naqqasx mill-importanza tiegħu. Mal-aqwa 10 tas-sena hemm żewġ films. Wieħed hu l-film tal-gwerra “Water Gate Bridge” li hu sequel għal “The Battle at Lake Changjin” li s-sena l-oħra kienet it-tieni wieħed bl-akbar dħul. L-ieħor hu l-film komiku tal-fantaxjenza, “Moon Man”.

Atturi li ħallewna

L-2022 ma tantx bdiet tajjeb għax fis-6 ta’ Jannar tlifna lil Sidney Poitier fil-għomor ta’ 94 sena. Potier rebaħ Oscar bħala l-aħjar attur fl-1964 għall-parti li nterprita f’“Lilies of the Field”. B’hekk sar l-ewwel attur iswed li rebaħ dan l-Oscar. Kellhom jgħaddu 38 sena biex attur attur ieħor b’karnaġjon skur jirbaħ din l-Oscar.

Bejn Frar u Lulju ħallewlna fost l-oħrajn, id-diretturi Peter Bogdanovich u Ivan Reitman, kif ukoll l-atturi Monica Vitti, William Hurt, Ray Liotta, Jean-Louis Trintignant, James Caan, Paul Sorvino u David Warner.

Fit-8 ta’ Awwissu tlifna lil Olivia Newton-John. Kellha 73 sena. Hija kienet waħda mill-kantanti ewlenin tal-mużika pop fis-snin sebgħin minbarra li dehret f’films bħal “Grease” u “Xanadu”.

L-aħħar xhur ta’ din is-sena kienu wkoll kiefra meta ħalliena d-direttur Franċiż Jean-Luc Godard, kif ukoll l-atturi Anne Heche, Louise Fletcher, Angela Lansbury, Robbie Coltrane, Irene Cara u Kirstie Alley.

L-Oscars

L-Oscars ta’ din is-sena jibqgħu magħrufa mhux għax “CODA” rebaħ l-unur għall-aħjar film imma għad-daqqa ta’ ħarta li Will Smith mar jagħti lil Chris Rock talli dan ta’ l-aħħar għadda kumment fuq mart Will Smith. L-imġiba ta’ Will Smith ġabet kundanna minn ħafna, f’ċeremonja li suppost tatu ġieh għax rebaħ l-Oscar għall-aħjar attur għall-parti li kellu f’“King Richard”.

Will Smith jagħti daqqa ta’ ħarta lil Chris Rock

Jessica Chastain rebħet l-Oscar bħalha l-aħjar attriċi għall-parti f’“The Eyes of Tammy Faye”. Jane Campion rebħet l-unur għall-aħjar direzzjoni għax-xogħol li għamlet fuq “The Power of the Dog”.

U l-2023

It-12-il xahar li ġejjin mistennija ikunu dominati minn sequels, remakes u films tas-super-eroj. Fost dawn insibu: “Ant-Man and the Wasp: Quantumania” (Frar 17), “Shazam! Fury of the Gods” (Marzu 17), “Guardians of the Galaxy Vol. 3” (Mejju 5), “The Flash” (Ġunju 23), “The Marvels” (Lulju 28), “Aquaman and the Lost Kingdom” (Diċembru 29) kif ukoll “Transformers: Rise of the Beasts” (Ġunju 9).

Sequels mistennija jinkludu: “John Wick: Chapter 4” (Marzu 24), “Fast X” (Mejju 19), “Indiana Jones and the Dial of Destiny” (Ġunju 30).

Il-kumpanija Disney ser tatina verżjoni bl-atturi ta’ “The Little Mermaid” (Mejju 26). Mill-ktieb famuż ta’ Roald Dahl ser ikollu verżjoni oħra, “Wonka” (Diċembru 15).

Fil-21 ta’ Lulju, naraw il-film ta’ Christopher Nolan, “Oppenheimer”. Dan hu film bijografiku dwar ix-xjenzat Amerikan J. Robert Oppenheimer u r-rwol tiegħu fl-iżvilupp tal-bomba atomika. Cillian Murphy jidher fil-parti prinċipali.

Ekonomija

Sport