Thursday, March 28, 2024

Titħabbar il-mewt ta’ Croce Bonaci

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Telfa ta’ ġentlom, raġel tal-familja u ħabib…

Illum u għada l-kafeterija ta’ Croce Bonaci hija magħluqa. Dan minħabba li l-familja Bonaci tinsab f’luttu għat-telfa ta’ Croce Bonaci, wieħed mill-aqwa dulċiera f’pajjiżna. Huwa kellu tumur f’rasu fi stadju avvanzat ħafna li ħallih ipparalizzat għal kollox tant li kellu bżonn ta’ għajnuna kontinwa.

Il-mewt ta’ Croce Bonaci, il-fundatur tal-kumpanija popolari Bonaci Caterers, tħabbret dalgħodu mill-familja stess fuq il-midja soċjali. Deskritt minn martu bħala bniedem ħabrieki u ġeneruż, Croce Bonaci kien waqqaf il-kumpanija li stabbiliet ruħha sew f’Malta u baqa’ jaħdem fiha għal dawn l-aħħar 45 sena. 

F’intervista li kellha, il-mara tiegħu Connie kienet qalet li ħajjithom inbidlet f’Settembru li għadda meta saru jafu li Croce Bonaci kellu tumur f’rasu. Croce huwa wieħed mill-aħwa tal-personalitajiet Karl u Herman Bonaci deskritt minn dawk kollha li kienu jafuh bħala ġentlom. 

Il-familja Bonaci hija rispettata ħafna fil-Belt Valletta. Din l-aħbar wasslet għal reazzjoni ta’ sogħba minn diversi persuni fosthom mill-partitarji tat-tim tal-Belt, li tant kien iħobb u jħobbuh lura; qraba u ħbieb; kif ukoll personalitajiet lokali u politiċi.

Wieħed mill-ħafna li esprimew sogħba b’messaġġ fuq Facebook kien Bjorn Formosa, fundatur tal-fondazzjoni ALS li kiteb, “Croce huwa missier, raġel li ħadem għal ħafna snin fil-ħanut tal-familja u dulċier prim. Mart Croce tiddeskrivih bħala raġel ġeneruż li għandu għal qalbu l-familja”. Bjorn Formosa qal li Croce Bonaci għenu biex jiftaħ it-tieni dar.

Ekonomija

Sport