Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed joħroġ sejħa għall-ħatra ta’ żewġ imħallfin.
L-applikanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u li jesprimu l-interess tagħhom jiġu evalwati mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, stabbilit skont l-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni.
Wara dan il-proċess ta’ evalwazzjoni, jitressqu l-ismijiet ta’ tliet kandidati għal kull kariga, għall-konsiderazzjoni u l-għażla tal-President.
Din is-sejħa tkompli tikkonferma l-impenn tal-Ministeru li jkompli jsaħħaħ dak li huwa l-akbar korp tal-ġudikatura fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq dwar l-impenn kontinwu u kostanti fit-tisħiħ tal-ġudikatura li qiegħed jikkumplimenta l-varji riformi li għaddej minnhom is-settur tal-ġustizzja f’pajjiżna. Dan it-tisħiħ fir-riżorsa umana u l-ispeċjalizzazzjoni huma l-mod ta’ kif qegħdin inkomplu ngħollu l-istandards bil-għan li nżidu l-effiċjenza f’dan il-qasam.
Dawk interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom bid-dokumenti kollha sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 7 t’Awwissu 2026 sa 12:00pm, lis-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura.
