Saturday, December 21, 2024

Titjib konsiderevoli f’taħriġ akkademiku

Aqra wkoll

L-istatistika li għadha kemm ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-istudenti li qed ikomplu l-istudji tagħhom fil-livell terzjarju, juri t-titjib konsiderevoli li ż-żgħażagħ tagħna qed ikollhom f’dak li huwa taħriġ akkademiku.

Minn ħames snin ilu ’l hawn, in-numru ta’ studenti li qed isegwu kors fl-livell terzjarju kompla jiżdied biex issa laħaq is-17,053, żieda ta’ 2,628 jew 18% fuq is-sena 2015.

Meta wieħed jara kif żdied in-numru ta’ gradwati li komplew l-istudji tagħhom għal-livell ta’ dottorat, kien hemm żieda ta’ 55% u b’hekk dawn l-istudenti issa laħqu l-232. L-istess jista’ jingħad f’dawk li huma studji f’livell ta’ Masters. Kien hemm żieda ta’ 34% fuq is-sena 2015, biex issa hemm 5,693 isegwu kors ta’ Masters. Żieda oħra ġiet reġistrata fl-istudenti li qed isegwu kors ta’ Baċellerat.

Ta’ min jinnota wkoll li n-numru ta’ studenti li qed isegwu kors f’livell terzjarju li jwassal għal degree fl-edukazzjoni, żdied minn 1,255 fis-sena 2015 għal-2,328 is-sena li għaddiet, żieda ta’ 85%.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana rrimarkat li dan it-titjib juri l-progress li qed isir f’dan is-settur, frott il-ħidma li għaddejja biex aktar studenti jkomplu għaddejjin bl-istudju tagħhom f’livell terzjarju.

“Ninnota wkoll li hemm ħafna aktar interess minn studenti li qed ikomplu bl-istudji tagħhom li jwassal għal degree fl-edukazzjoni, żieda sinjifikanti ta’ 85%. Dawn huma riżultati li jagħmlulna kuraġġ biex inkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħna għal dan is-settur tant importanti għal pajjiżna u għall-ekonomija tagħna”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.

Ekonomija

Sport