Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li tlestliet fażi oħra tal-proġett tar-riġenerazzjoni u restawr ta’ Wied il-Qlejgħa, magħruf ukoll bħala ‘Chadwich Lakes’. Dan il-proġett qed isir mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma b’investiment ta’ €5 miljun parzjalment finanzjat minn Fondi Ewropej.
Il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett huwa importanti għal diversi raġunijiet fosthom li se jkun qed jara l-ħażna tal-ilma tikber b’mod konsiderevoli. Intant, huwa spjega li qed tiġi restawrata s-sistema ekoloġika tal-wied fejn qed jitneħħew speċi aljeni li qed jagħmlu ħsara lill-ħajja tal-wied u eventwalment dan se jservi ta’ nifs biex speċi indiġeni jerġgħu jiffjorixxu.












Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li l-investiment ta’ Fondi Ewropej f’dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ dan il-wied se joffri ħajja ġdida lil din iż-żona ta’ ġmiel naturali. Din iż-żona qed tinbidel f’waħda unika u innovattiva għall-gżejjer Maltin għax se tkun qed toffri post ta’ rikreazzjoni iżda fl-istess ħin ta’ valur ekoloġiku u konservazzjoni tal-aktar riżorsa importanti; l-ilma u l-abitat naturali.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano li qal kif fil-ġimgħat li ġejjin se tinbeda fażi oħra tax-xogħol f’nofs il-medda tal-wied. Ix-xogħlijiet jinvolvu t-tħammil ta’ radam li nġema’ mal-wied matul is-snin u radam diversi karatteristtiċi importanti li nbnew fis-seklu 19.