It-testijiet tat-tagħmir elettriku ewlieni fit-Turkija tlestew b’suċċess, hekk kif il-proġett ta’ Interconnect Malta jilħaq tragward ieħor.
Dan jinkludi autotransformer li ser inaqqas il-vultaġġ minn 220kV tal-interkonnessjoni għal 132kV skont kif jopera l-grid Malti, kif ukoll shunt reactors li jgħinu biex jikkontrollaw il-vultaġġ billi jassorbu l-enerġija reattiva ġġenerata, u b’hekk inaqqsu t-telf fl-interkonnessjoni u jtejbu l-effiċjenza tat-trasmissjoni.
Bħalissa għaddej il-proċess ta’ żarmar u ippakkjar tat-transformer u ż-żewġ reatturi, u dawn il-komponenti huma skedati li jitilqu mill-fabbrika f’Ġunju. Minn hemm, se jiġu trasferiti lejn it-terminal fit-Turkija biex jitgħabbew fuq bastiment u jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-port ta’ Pozzallo fi Sqallija u l-Port il-Kbir f’Malta rispettivament.
Il-proċess ta’ installazzjoni tar-reattur ta’ 220kV f’Ragusa, tal-autotransformer ta’ 220kV/132kV u tar-reattur ta’ 220kV f’Malta huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar tas-sajf.
“It-tlestija tal-manifattura tal-autotransformer u żewġ variable shunt reactors li joperaw kollha b’220kV, kif ukoll it-testjar b’suċċess tagħhom fil-fabbrika fit-Turkija, hija pass ieħor ’il quddiem għall-proġett tal-IC2. ICM tħares ’il quddiem biex dawn jiġu installati u kkummissjonati fl-istazzjonijiet tat-terminal tal-Magħtab u Ragusa qabel ma jinxtegħlu.” qal Dr Inġ. Joseph Vassallo, Divisional Manager tal-ICM.
Ix-xogħlijiet relatati mal-autotransformer u r-reatturi jiffurmaw parti minn katina usa’ ta’ attivitajiet fi ħdan il-proġett IC2. Dawn ix-xogħlijiet jinvolvu diversi kumpaniji, fosthom il-kuntrattur ewlieni AG Installations, li ngħata dan il-kuntratt wara sejħa pubblika u subcontractors differenti li qed jassistu fl-eżekuzzjoni ta’ din il-parti tal-proġett. Fost il-kumpaniji prinċipali hemm BEST, responsabbli mid-disinn, il-manifattura u t-testjar tal-komponenti rispettivi tat-transformer u reactors, kif ukoll SIMI Trasporti, li hija responsabbli mit-trasport tat-tagħmir mill-fabbrika ta’ BEST fit-Turkija lejn Ragusa u l-Magħtab rispettivament, kif ukoll mit-tqegħid tat-transformer u r-reatturi f’posthom.
IC2 huwa pilastru ewlieni fil-viżjoni tal-enerġija, iddisinjat biex jirdoppja l-kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ Malta u jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista filwaqt li jappoġġja t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà.
Dan l-investiment ta’ €300 miljun ġie approvat għall-finanzjament mill-ERDF taħt il-prijorità “Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta”, u jikkontribwixxi direttament għal sistemi enerġetiċi intelliġenti u stabbli. Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika” fil-Programm 2021–2027, bl-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta’ €261 miljun.

