Wednesday, December 25, 2024

Titnieda d-dgħajsa nazzjonali Viva Malta 

Aqra wkoll

Il-Viva Malta National Offshore Sailing Boat, li se tagħti opportunità lill-baħħara Maltin biex jikkompetu fl-isfera internazzjonali u li jagħmlu isem għal Malta, ġiet uffiċjalment imnedija. 

Din it-tnedija saret fil-Mediterranean Maritime Hub, mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien ma’ Yachting Malta u Sports Malta, u ġiet imbierka minn Mons. Victor Grech. 

Viva Malta issa se tgħaddi għand Sport Malta u l-Malta Sailing Federation li ser jaħdmu flimkien sabiex jamministraw din l-inizjattiva. 

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif il-kunċett tal-Viva Malta National Offshore Sailing Boat sar possibbli permezz ta’ investiment ta’ madwar €400,000, fuq inizjattiva ta’ Yachting Malta bl-appoġġ sħiħ tal-gvern. “Dan il-proġett imur id f’id mar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li qed issir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal- Port il-Kbir, kif ukoll man-National Yachting Policy li bħalissa qed titfassal flimkien mal-istakeholders kollha involuti f’dan is-settur,” stqarr il-Ministru Farrugia. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima stqarr li, “Bħala ministeru kif ukoll SportMalta qed naraw kif insibu mezzi u opportunitajiet biex nagħtu appoġġ lill-isportivi tagħna. Din l-inizjattiva hija waħda mid-diversi proġetti li għaddejjin bħalissa, f’dan il-każ qed nagħtu l-appoġġ u s-sostenn tagħna lill-isportivi u d-dixxiplina sportiva li rajna progress kbir fiha f’dawn l-aħħar snin. Nawgura li permezz ta’ din l-inizjattiva jkollna aktar suċċessi kemm fuq bażi personali għall-isportivi involuti kif ukoll fuq skala nazzjonali.” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Michael Mifsud sostna li, “Din kienet ħolma tal-entità li xi darba jkollna dgħajsa kapaċi li tikkompeti fir-regatta internazzjonali u tagħti opportunità lill-baħħara Maltin biex jikkompetu fl-isfera internazzjonali u li jagħmlu isem għal Malta. Fl-istess waqt nemmnu li din il-pjattaforma se tagħti promozzjoni lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-yachting.” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sports Malta Mark Cutajar qal li, “Illum se jkollna l-passaġġ ta’ trasferiment minn Yachting Malta lil SportMalta biex l-entità tgħaddi Viva Malta lil Malta Sailing Federation. Dan biex iktar tfal u żgħażagħ ikomplu jersqu lejn l-isport tal-ibburdjar li dejjem kien sinonimu magħna l-Maltin permezz ta’ Rolex Middle Sea Race u diversi kompetizzjonijiet oħra.” 

Ekonomija

Sport