Tuesday, September 24, 2024

Titnieda l-20 edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin il-karus tal-kartun ta’ ‘L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign’ se jibda jitqassam f’kull klassi tal-primarja u s-sekondarja f’Malta u f’Għawdex bil-għan li jinġabru fondi b’risq The Malta Community Chest Fund.

Waqt it-tnedija tal-20 edizzjoni tal-kampanja, il-President ta’ Malta George Vella fakkar lill-prinċipali tal-kulleġġi u lill-kapijiet tal-iskejjel preżenti fir-responsabbiltà kbira li għandhom biex jiffurmaw l-irġiel u n-nisa ta’ għada bit-trawwim fost l-oħrajn tal-valuri tas-solidarjetà u r-rispett lejn xulxin.

F’isem dawk kollha li jirċievu l-għajnuna mill-MCCF, il-President Vella esprima l-apprezzament tiegħu lill-Bank of Valletta (BOV) u l-edukaturi fl-iskejjel kollha għall-appoġġ konsistenti, speċjalment biex iħeġġu lill-istudenti jwarrbu xi ħaġa fil-karus għal min ikun għaddej minn xi diffikultà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, qal li din is-sena l-karus ta’ ‘L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign’ reġa’ huwa magħmul minn materjal riċiklat u għandu dehra ġdida b’użu ferm inqas ta’ linka mis-snin li għaddew sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-impatt ambjentali.

Is-Sur Farrugia ħabbar li għall-ewwel darba l-istudenti tal-Junior College, il-Higher Secondary, l-MCAST, u l-Università ta’ Malta wkoll jistgħu jieħdu sehem f’din il-kampanja billi jibagħtu donazzjoni permezz tal-BOV mobile app fuq 79359565. Ħabbar ukoll li tul is-snin, il-BOV ippreżenta aktar minn €2.85 miljuni lill-MCCF.

Waqt it-tnedija fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Matthew Vella, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Justin Schembri, ħeġġew lill-istudenti biex ikunu ġenerużi u jagħrfu li qed jagħmlu ġest altruwistiku kbir li jgħin lil min għaddej minn xi għawġ.

Fil-ġimgħat li ġejjin, is-Sinjura Miriam Vella, li kienet preżenti għat-tnedija, mistennija żżur xi skejjel u personalment tħeġġeġ lit-tfal biex ikunu parti minn din il-kampanja.

Sport