Saturday, December 28, 2024

Titnieda l-ewwel fażi ta’ riġenerazzjoni u bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li ser jingħata bidu biex tiskatta l-ewwel fażi mill-proġett ta’ żvilupp u riġenerazzjoni tal-Isptar Ġenerali f’Għawdex. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li fil-ġranet li ġejjin ser tkun qed tibda l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett li għandu jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2025. Kompla jispjega li bi preparazzjoni għal dan, numru t’anzjani li jinsabu fil-‘Male Geriatric Ward’ li għandhom bżonn kura fit-tul ser ikunu qed jiġu rilokati f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem. 

Il-Ministru Abela qal li kif issir ir-rilokazzjoni, bħala parti minn dan il-proġett ser tibda l-aħħar fażi ta’ testijiet ġeoloġiċi tal-art fejn ser ikun qed jsir l-iżvilupp ta’ sptar akut ġdid li se jkopri madwar 400 sodda. Semma li fil-ġranet li ġejjin se tkun qed tinħareġ sejħa ta’ interess biex tinkera binja li fiha tkun tista’ timxi l-amministrazzjoni tal-istess sptar sakemm ikun qed jitlesta dan il-proġett, u b’hekk ser ikun jista’ jingħata bidu għad-demolizzjoni u skavar meħtieġ tal-isptar.

“Din kienet waħda mill-prijoritajiet tagħna u fl-aħħar xhur saret ħidma intensiva u bla waqfien biex ikun jista’ jiskatta dan il-proġett. B’hekk ser inkunu qed naraw wegħda oħra tal-Gvern qed tiġi mwettqa u tħalli l-frott tagħha favur kura tas-saħħa aħjar għall-Għawdxin”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport