Malta ………….1
Latvja ………..3
It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-15-il sena sofra telfa ta’ 3-1 kontra l-Latvja t-Tnejn filgħodu, f’partita missielta li għalqet il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-UEFA Development Tournament.
L-erba’ goals tal-partita waslu kollha fl-ewwel taqsima.
Il-partita bdiet fuq nota bilanċjata, biż-żewġ timijiet ikollhom perjodi ta’ pussess tal-ballun.
Wara għaxar minuti, Malta kellha l-ewwel tentattiv tagħha wara azzjoni maħduma tajjeb, Zackary Diagne rċieva l-ballun fit-tarf tal-kaxxa, iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Gjebs Mihailovs. Ftit sekondi wara, il-Latvja fetħu l-iskor. Minn kontrattakk, Jekabs Dosbergs għamel ġirja veloċi fuq ix-xellug qabel spara xutt baxx li spiċċa fix-xibka.
Il-Maltin ippruvaw jagħmlu reazzjoni wara li sofrew dan il-goal. Fid-29 minuta, huma resqu viċin li jiksbu d-draw meta freekick ta’ Beppe Aquilina Arena sab lil Jaan Caruana fil-kaxxa, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu marret ftit għoli.
Il-Latvja kellhom wkoll l-opportunitajiet tagħhom u, fil-31 minuta, ħarbu b’kontrattakk veloċi. Artemijs Izotovs ipprova xutt mill-bogħod li kien iżda Mardeo Zammit salva tajjeb. Madankollu, il-Latvja rduppjaw mill-corner li rriżulta minn din l-azzjoni.
Minn cross fil-kaxxa, ir-riħ bidel id-direzzjoni tiegħu u, meta Diagne pprova jikklerja l-periklu, spiċċa biex ikkommetta auto-goal sfortunat.
Ftit mumenti wara, il-Latvja skorjaw it-tielet goal meta Izotovs approfitta minn rebound biex xeħet il-ballun fix-xibka.
Malta ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-partita u, fit-43 minuta, wara li rċieva l-ballun, Noah Muscat għadda minn bejn diversi avversarji iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Muscat, iżda, irnexxielu jsib ix-xibka fit-tieni tentattiv tiegħu. Wara li Alex Zammit għaddielu l-ballun fuq ix-xellug, il-player Malti spara xutt fil-baxx u b’saħħtu li spiċċa fix-xibka, biex naqqas id-distakk għal 3-1 u ppremja lill-Maltin għall-isforzi tagħhom.
Il-Maltin bdew it-tieni taqsima fuq l-offensiva, bil-għan li jkomplu minn fejn ħallew fl-ewwel taqsima. Is-sostitut Jmii Zammit resaq viċin li jiskorja kmieni fit-tieni taqsima, iżda x-xutt sabiħ tiegħu mar ftit barra.
Il-Latvjani baqgħu perikolużi u, fit-62 minuta, Dosbergs kien viċin li jiskorja t-tieni goal personali u r-raba’ wieħed tat-team tiegħu, iżda x-xutt b’saħħtu tiegħu ħabat mal-mimduda.
Fis-69 minuta, Maxim Gromov ipprova xutt tajjeb lejn il-lasta wara li seraq il-ballun f’nofs il-grawnd u avvanza, iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat barra.
Il-Latvjani kellhom żewġ opportunitajiet biex jagħlqu l-partita fit-72 minuta. L-ewwel, Patriks Pidhacnijs ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jiġi salvat minn Ryan James Zammit, qabel Kaspars Puzanovs ipprova lob li ftit wara ħabat mal-lasta.
Il-Maltin komplew jippruvaw jattakkaw bit-tama li jerġgħu jidħlu fil-partita, iżda ma rnexxilhomx jegħlbu d-difiża soda tal-Latvjani. Għaldaqstant, il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 3-1 favur il-viżitaturi.
Malta: 1 Mardeo Zammit (GK) (12 Ryan James Zammit, 46’), 2 Javier James (14 Zac Baldacchino Orland, 65’), 3 Alex Zammit (16 Matthew Hyzler, 79’), 4 Elias Abdilla (C), 15 Jaan Caruana, 6 Zackary Diagne (8 Nedved Bonello, 85’), 7 Shaylon Lanzon (19 Jean Zammit, 46’), 18 Edward Schembri (20 Jmii Zammit, 46’), 9 Maxim Gromov, 10 Beppe Aquilina Arena (13 Alexander Abela, 65’), 11 Noah Muscat – Coach: Silvio Vella
Latvja: 1 Gjebs Mihailovs (GK) (C), 3 Martins Kornejevs, 18 Andrejs Frolovs (19 Aleksandrs Dudorovs, 46’), 5 Roberts Zeltins, 21 Jekabs Dosbergs, 4 Maijs Andrejs Dmitrijevs, 10 Ernests Leo Garosa (24 Nikita Kolosovs, 54’), 8 Egerts Brigmanis, 6 Raiens Prizevaits (7 Patriks Pidhacnijs, 54’), 15 Dans Van Engelands (14 Levs Pavlovs, 54’), 9 Artemijs Izotovs (16 Kaspars Puzanovs, 54’) – Coach: Janis Seglins
Referee: Mark Azzopardi




