Tuesday, December 24, 2024

Titnieda t-12-il edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tnediet it-12-il edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run li se ssir nhar il-Ħadd 21 ta’ Novembru li ġej. 

Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Sinjura Miriam Vella, kif ukoll is-Sur Mark Cutajar, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Fun Run u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Cutajar qal li fir-ritorn tal-Fun Run, din is-sena l-format ser ikun wieħed kemxejn differenti hekk kif ser issir mixja f’kull lokalità f’Malta u Għawdex. Fisser kif il-Fun Run ser issir skont il-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u li kull min japplika u jattendi għall-Fun Run, irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Is-Sur Chircop, f’isem l-isponsor ewlieni Enemed, fisser lil The Malta Community Chest Fund Foundation bħala ħajt ta’ kenn għal min jesperjenza ċirkustanzi diffiċli.

F’kelmtejn, is-Sur Mario Fava appella lir-residenti kollha kif ukoll lil kull kunsill lokali f’Malta u f’Għawdex biex jilqgħu l-istedina u jingħaqdu flimkien għal dan l-għan nobbli.

Is-Sur Puli fisser din l-attività bħala waħda li tesprimi l-valur tas-solidarjetà li jħaddan dan il-poplu filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Grima ddeskriva l-Fun Run bħala sinjal ta’ tama li fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa.

F’diskors waqt it-tnedija tal-edizzjoni ta’ din is-sena, il-President George Vella fisser kif okkażjoni bħal din tgħaqqad lill-poplu kollu u stqarr li jinsab fiduċjuż li għal darboħra, The Malta Community Chest Fund Foundation ser terġa’ ssib l-appoġġ tal-poplu.

Huwa rringrazzja lil kull min hu involut f’dan l-avveniment, u radd ħajr lil-isponsors kollha.

Kull min jixtieq jieħu sehem fil-Fun Run 2021, jista’ jirreġistra b’donazzjoni ta’ €10, billi jew iżur il-Kunsill Lokali tar-raħal jew belt tiegħu jew inkella japplika mis-sit elettroniku mccf.store.

Ekonomija

Sport