Monday, May 13, 2024

Il-PM iħabbar investiment ta’ €8 miljun li se jiġġenera 100 impjieg ġdid f’Ħal Far

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment multi-miljunarju mill-kumpanija internazzjonali Seifert f’pajjiżna. 

Dan l-investiment ta’ €8 miljun se jwassal għall-ħolqien ta’ 100 impjieg ġdid. Il-kumpanija, ibbażata fiż-Żona industrijali ta’ Ħal Far, bħalissa tħaddem 250 persuna u timmanifattura cooling systems f’kull tip ta’ tagħmir.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan l-investiment mhux biss se jiġġenera prosperità ġdida iżda se jkun qiegħed itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini hekk kif pajjiżna jaħdem biex iżid is-sostenibbilità.

Stqarr kif l-ekonomija u s-sostenibbilità ambjentali wkoll imorru id f’id. Huwa innota kif din il-kumpanija f’Malta hija l-ewwel faċilità ċċertifikata bħala carbon neutral f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru stqarr kif dan l-investiment huwa evidenza ċara li dan it-tip ta’ investiment jwassal għal tkabbir u li pajjiżna mhuwiex se jieqaf hawn fejn jidħlu investimenti ta’ dan it-tip u li xhieda ta’ dan huwa l-budget imressaq għas-sena li ġejja.

Abela fakkar li minkejja l-perjodu tal-pandemija, dan il-Gvern, bħalma għamel fl-aħħar xhur, se jkun qed jinvesti wkoll fin-nies u l-ħaddiema. Hawnhekk innota kif bir-rata baxxa ta’ qgħad, l-inqas fl-istorja ta’ pajjiżna, issa għandna sfida biex insibu l-ħaddiema għal impjiegi ġodda.  Żied jgħid li jinsab fiduċjuż li flimkien mal-imsieħba soċjali din l-isfida tinbidel f’opportunità għall-pajjiż.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Seifert, Michael Seifert spjega kif l-investiment imħabbar mistenni jkun lest sa Settembru tas-sena li ġejja. Huwa qal ukoll li l-fabbriki li l-kumpanija għandha barra minn xtutna se jkunu qegħdin isegwu fuq il-passi ta’ din ibbażata f’Malta. 

Sport