Tuesday, December 24, 2024

Titnieda t-tielet Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ+

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, il-Bifobija, l-Intersessofobija u t-Transfobija, tnediet it-tielet Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza ta’ Persuni LGBTIQ+, li tkopri l-perjodu 2023-2027.

Din l-istrateġija se tkompli tibni fuq l-avvanzi, ir-riformi u l-kisbiet li saru f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li tfittex li tindirizza dawk l-oqsma fejn jeħtieġ li jkun hemm iżjed ħidma fuqhom.

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi 10 oqsma tematiċi b’aktar minn 94 miżura. Miżuri li għandhom l-għan li jippromwovu u jiggarantixxu trattament ugwali fix-xogħol u li jżidu l-viżibilità u s-servizzi inklussivi għal persuni LGBTIQ+ anzjani, dawk b’diżabilità, immigranti, tfal u żgħażagħ fost oħrajn.

Dan filwaqt li se tissokta l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, diskors u reati ta’ mibegħda, li jitjieb il-benesseri tal-persuni LGBTIQ+ u l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u li nkomplu nippromwovu l-ugwaljanza fi ħdan din il-komunità fuq livell internazzjonali.

F’konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li din l-istrateġija tibni fuq il-kisbiet li ġabu strateġiji preċedenti u hija wkoll frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret.

Semmiet kif fost il-bidliet li dan il-Gvern irnexxielu jġib hemm it-tneħħija ta’ kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-protokolli li jirregolaw l-għoti tad-demm fejn illum il-ġurnata kulħadd huwa meqjus l-istess u m’hemmx distinzjoni bejn persuna oħra.

Barra minn hekk, is-servizz pubbliku adotta linji gwida dwar is-sesswalità u l-ġeneru u beda t-taħriġ għall-uffiċjali filwaqt li l-Korp tal-Pulizija għandu uniformi gender neutral għall-uffiċjali kollha fi ħdan.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li permezz ta’ din l-istrateġija se nkomplu nibnu fuq il-miżuri li wasslu lil dan il-pajjiż fil-quċċata fost id-49 pajjiż fil-ħarsien tad-drittijiet u l-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ+.

“Huwa pjan ambiżzjuż iżda daqstant ieħor realistiku. Mibni fuq il-prinċipju li niddjalogaw, nifhmu, nagħrblu u nqajmu kuxjenza biex nagħmlu riformi konkreti għall-benefiċċju ta’ kull individwu.

“Bħala Segretarju Parlamentari nżomm soda fl-impenn tiegħi sabiex nassiguraw li kulħadd jiġi trattat b’mod ugwali u b’dinjità rrispetivament mill-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess.

“Qegħdin inwasslu messaġġ ċar: id-diskriminazzjoni, diskors u reat ta’ mibegħda u vjolenza fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ+ huma inaċċettabbli u m’għandhomx post fis-soċjetà tagħna,” tenniet is-Segretarju Parlamentari.

Finalment hija qalet li rridu nkomplu naħdmu sabiex noħolqu ambjent inklussiv u akkoljenti għal kulħadd. “Flimkien nisgħu nibnu soċjetà inklussiva li tiċċelebra d-diversità tal-membri tagħha,” qalet Buttigieg.

Ekonomija

Sport