Wednesday, April 24, 2024

“Anki waħdi nibqa’ niġġieled għall-verità … min qed jivvinta se jkollu jħallas ta’ għemilu bil-ġustizzja”

L-Eks PM Joseph Muscat, dwar rapporti relatati mal-ħlasijiet ta’ konsulenza li rċieva minn kumpanija Żvizzera

Aqra wkoll

Rigward dak li ġie ppubblikat fil-midja lokali, fejn ġie allegat li l-ħlasijiet li rċieva l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat għal xogħol ta’ konsulenza li wettaq ma’ kumpanija Żvizzera setgħu kienu ħlasijiet relatati mal-konċessjoni tal-isptarijiet, f’kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook huwa ċċara li dejjem tħallas għal xogħol li għamel u min-naħa tiegħu ta provi ta’ dan lill-Maġistrat.

B’rabta ma’ dan, Dr Muscat żied jgħid li huwa dejjem iddikjara d-dħul tiegħu kif ukoll dejjem ħa ħsieb li jħallas it-taxxi. Kompla jgħid ukoll li għal diversi drabi talab lill-Maġistrat biex jixhed dwar dan, iżda hu qatt ma ngħata xi forma ta’ risposta.

Huwa qal li “Hemm leaks ċari minn dak li qed tagħmel il-Magistrat. L-istess kif kien ġara meta kien hemm nies li kienu infurmati minn qabel b’li kien qed isir, ftaħru fi ħwienet li jafu u anki ġew quddiem id-dar tiegħi biex jaraw. Dan ma jispirax fiduċja”.

Dr Muscat kompli billi fakkar li diġà għadda minn dan kollu “meta qalgħu l-gidba tal-Egrant”. Għaldaqstant, huwa temm jgħid li “min qed jivvinta se jkollu jħallas ta’ għemilu bil-ġustizzja. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, anki jekk inkun waħdi, jien se nara li dawn in-nies jieħdu li ħaqqhom u toħroġ il-verità”.

Sport