Saturday, May 4, 2024

“Garali ġebla u qalli li għamel hekk għax hu l-King tal-Gżira’’

Tixhed mara li tgħid li sofriet punti f’rasha kawża ta’ daqqa ta’ ġebla mitfugħa minn Jeremie Camilleri

Aqra wkoll

Hekk kif quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Jeremie Camilleri, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya f’Jannar li għadda, xehdet Fiona Brincat — mara li kienet sofriet xi ġrieħi wara li allegatament l-akkużat garalha xi ġebel.  

Fuq il-pedana tax-xhieda, hija qalet li dakinhar li seħħ l-inċident ċemplet taxi sabiex tmur tixtri s-sigaretti f’ħanut li jinsab faċċata tal-KFC, jiġifieri fl-istess triq fil-Gżira. Meta waslet fuq il-post, Brincat qalet li rat persuna mixħuta mal-art. Qalet ukoll li sakemm daret biex tgħid lit-tfajla tagħha li għadha kif rat il-vittma mal-art, sabet lil Jeremie Camilleri ma’ wiċċha. Hija żiedet tgħid li Camilleri neża’ l-flokk, taha daqqa ta’ ġebla u qalilha li għamel hekk għax hu “l-king tal-Gżira.”

Xehed ukoll is-Surġent Sandro Mangion mill-Għassa ta’ Tas-Sliema li qal li huwa kien minn tal-ewwel fuq il-każ. Huwa stqarr li kif wasal fuq il-post sab il-vettura tal-għamla BMW imdaħħla fl-istabbiliment tal-KFC u ddeskriva li kien hemm il-ħġieġ imkisser. Emozzjonat waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu, is-Surġent qal li ma setax ineħħi minn quddiem għajnejh ix-xena li kien ra dakinhar. 

Fir-rigward ta’ Camilleri, is-Surġent Mangion qal li hekk kif Camilleri niżel mill-karozza, dan qabad igara l-ġebel inkluż fuq il-vittma, Pelin Kaya, li kienet mixħuta mal-art.

L-uffiċjal tal-Pulizija Wayne Block, fix-xhieda tiegħu qal li dakinhar tal-inċident kien infurmat li ttajret persuna. Xħin mar fuq il-post ra l-vettura ġol-ħġieġ tal-KFC. 

Xhud ieħor kien David Buhagiar, li jgħix eżattament quddiem il-KFC. Buhagiar qal li dakinhar tal-inċident ma kien sema’ xejn, tant li żied jgħid li qam filgħodu u kif iċċekkja l-mowbajl tiegħu rrealizza dak li kien seħħ. Xehed ukoll li ħareġ sabiex imur jittawwal il-karozza tiegħu u hemmhekk sab li l-vettura tiegħu li kienet ipparkjata fil-viċinanzi tal-pompa tal-petrol kienet milquta. 

Il-każ ikompli fil-25 ta’ Mejju li ġej. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods megħjuna mill-Avukat tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kayliegh Bonnett.

L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Camilleri, filwaqt li għall-familjari tal-vittma dehru l-avukati Shazoo Ghaznavi, Ramona Attard u Charlon Gouder.

Sport