Monday, May 20, 2024

Tixtieq tkompli tgħin diversi għaqdiet u li tkun ta’ eżempju u ispirazzjoni għal kulħadd

Chanel Xerri, mudella Għawdxija rebbieħa ta’ diversi titli u ta’ kompetizzjoni tas-sbuħija f’Texas

Aqra wkoll

“Ix-xewqa tiegħi hija li permezz ta’ dan it-titlu nkompli ngħin lil diversi għaqdiet li diġà kont qed ngħin matul din l-aħħar sena u li bil-kuruna u bit-titlu li qed inġorr inkun ta’ eżempju u ta’ ispirazzjoni għal kulħadd,” qalet Chanel Xerri ma’ Talk.mt.

Chanel hija tifla ta’ 11-il sena min-Nadur, Għawdex li nhar il-Ħadd li għadda rrappreżentat lil pajjiżna f’kompetizzjoni tal-immudellar f’Texas fejn ħarġet rebbieħa tal-Miss Young International Spokesmodel — l-akbar titlu li setgħet tirbaħ peress li dan jingħata lil min jikseb l-ikbar ammont ta’ punti mill-kontestanti kollha. Barra minn hekk, f’kumment li tatna Julie Xerri, omm Chanel, hija qaltilna li bintha rebħet ukoll diversi awards fl-istess kompetizzjoni:

  • Inspiration of the Year
  • Best Blinged Cowboy Costume
  • Top 10 Trailblazer
  • YAMI Top 5
  • YMI Top 5
  • Best Evening YMI
  • Best Evening YAMI
  • Best in Interview YMI
  • Best Fashion Wear YAMI
  • Best National Costume
  • Best Application YAMI
  • Best Photogenic YAMI
  • YMI 1st Runner Up
  • YAMI 1st Runner Up
  • Young Miss International Jr Cultural Model

Chanel u ommha qalulna li fil-mument meta tħabbru r-riżultati finali, ħassewhom qishom qegħdin f’ħolma: “Ma stajniex nemmnu peress li dan huwa l-akbar titlu li tista’ tirbaħ [f’din il-kompetizzjoni partikolari] u kien hemm ammont kbir ta’ kontestanti”. Sintendi, bħal kull kompetizzjoni oħra, kemm fuq livell nazzjonali u wisq iktar meta ssir barra minn xtutna, tirrikjedi bosta ġimgħat jew saħansitra xhur ta’ preparamenti. Propju għalhekk, is-sodisfazzjon ta’ kisba ta’ dan it-tip tkun ferm ikbar: “Dan huwa unur kbir kemm għal Chanel kif ukoll għal Malta. Kien vjaġġ twil b’ħafna xhur ta’ preparamenti imma kuntenti ħafna bir-riżultat li kisbet,” qaltilna emozzjonata omm Chanel.

Tliet snin li matulhom rebħet diversi titli f’kompetizzjonijiet lokali u dawk internazzjonali

Sa minn età żgħira, Chanel kienet turi lill-familja tagħha li tħobb il-moda u għaldaqstant kienu jsegwu diversi konkorsi tas-sbuħija fuq it-televiżjoni, fosthom dawk lokali. Il-vjaġġ ta’ Chanel fid-dinja tal-moda beda propju tliet snin ilu meta bdiet tattendi għal-lezzjonijiet tal-immudellar, fejn eventwalment bdiet tieħu sehem f’diversi konkorsi li jittellgħu f’pajjiżna kif ukoll f’dawk ‘il barra minn xtutna. Matul dan il-perjodu hija rebħet 11-il titlu, fosthom: (i) kisbet it-tielet post fil-kompetizzjoni Princess of the Universe (Diċembru 2021), (ii) rebħet it-titlu ta’ Super Model of the World Gran Prix (Novembru 2022) f’kompetizzjoni li saret fit-Turkija u ngħatat il-Best Fashion Model Award (2022) minn Gaetano Promotions, (iii) kisbet it-titlu ta’ Young European International Junior Miss 2023 f’kompetizzjoni li saret fl-Ingilterra fejn riżultat ta’ dan ġiet offruta kuntratt ta’ sena mal-Young European International Pageant Team, kif ukoll ingħatat l-opportunità li tirrapreżenta lil pajjiżna f’Texas lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, liema kompetizzjoni kienet mifruxa fuq tlett ijiem, bis-serata finali li saret il-Ħadd li għadda.

Lejn l-aħħar tal-kummenti tagħha, Chanel qaltilna li tinsab grata immens lejn dawk l-individwi li kienu ta’ spalla għaliha sabiex dan il-vjaġġ seta’ jsir possibbli. Il-ħolma tagħha hija li tkompli titħarreġ f’dan is-settur sabiex tkun tista’ tkompli timxi ’l quddiem fl-industrija tal-moda u l-immudellar.

Sport