Wednesday, July 24, 2024

Tlesta l-proġett ta’ rinnovazzjoni f’Dar il-Mistrieħ fil-Furjana

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea ħabbru li tlesta l-proġett ta’ rinnovar estensiv f’Dar il-Mistrieħ fil-Furjana b’investiment ta’ madwar €828,000.

Ġie spjegat kif Dar il-Mistrieħ ilha tipprovdi kura lill-anzjani għal aktar minn 35 sena. Dan ix-xogħol ta’ modernizzar twettaq sabiex din id-Dar tkompli toffri lill-anzjani residenti kwalità ta’ ħajja aħjar u li jkomplu jgħixu b’dinjità u indipendenza.

Dan il-proġett, li sar ukoll bl-għajnuna ta’ fondi mill-Welfare Committee, mhux biss kien immirat li jindirizza l-isfidi infrastrutturali, imma wkoll biex jissaħħaħ l-ambjent sigur fejn il-benesseri tar-residenti jitjieb b’mod sinifikanti.

Il-proġett kien jinkludi tisħiħ tal-infrastruttura u l-amenitajiet. Ġiet introdotta wkoll klinika multidixxiplinarja, mgħammra b’tagħmir mediku speċjalizzat. Din il-faċilità se tiżgura li r-residenti kollha jirċievu kura ħolistika u personalizzata f’ambjent privat u dinjituż.

Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq kif din id-Dar mhux biss se tkun qed toffri ambjent iktar sigur għar-residenti imma wkoll grazzi għall-introduzzjoni tal-klinika multidixxiplinarja, l-anzjani ser jkunu jistgħu jingħataw kura speċjalizzata fl-istess residenza mingħajr skariġġ.

Il-Ministru kompla kif apparti r-rinnovar esteniv li sar f’Dar il-Mistrieħ, il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ it-tenders li ser jkun qed jara li jkompli jsaħħah u jimmodernizza d-djar tal-anzjani f’Bormla u l-Imsida. “Dan hu riżultat ieħor tal-viżjoni li l-Gvern għandu għall-anzjani fejn mhux biss qed naraw li ninvestu u noffru numru vast ta’ servizzi fil-komunità, imma wkoll qed naraw li noffru u niżguraw servizz tal-ogħla livell fid-djar residenzjali”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija ta’ dan il-proġett. “Din ir-rinnovazzjoni hija pass ieħor ‘il quddiem fit-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna. Il-modernizzazzjoni ta’ Dar il-Mistrieħ tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li nipprovdu mhux biss kura ta’ kwalità għolja, imma wkoll ambjent li jirrispetta d-dinjità u l-indipendenza ta’ kull resident.”

Ekonomija

Sport