Saturday, December 14, 2024

Tliet bajjiet Għawdxin kisbu l-Blue Flag Award

Aqra wkoll

Għal sena oħra tliet bajjiet f’Għawdex – ir-Ramla l-Ħamra, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn – reġgħu kisbu l-Blue Flag. Dan ifisser li dawk il-bajjiet laħqu standards għoljin f’erba’ kategoriji ewlenin: dik tal-kwalità tal-ilma, immaniġġjar tal-ambjent, edukazzjoni ambjentali, u sigurtà fil-bajja.

“Għal sena oħra rnexxielna nżommu u niksbu tliet Blue Flags għall-gżira Għawdxija. Nirringrazzja lill-Beach Management Team taħt is-superviżjoni tal-Intervention Team fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li jaħdem qatigħ bil-għan li jżomm dawn it-tliet Blue Flags u jekk jista’ jkun, inżidu bajjiet ġodda fil-lista. Fil-fatt, din is-sena l-Ministeru applika għall-bajja tax-Xwejni bħala bajja ta’ kwalità bi pjanijiet biex tinkiseb il-Blue Flag fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Huwa stqarr li l-Blue Flag mhijiex sempliċiment bandiera iżda permezz ta’ dan l-iskrutinju qegħdin ikomplu jsaħħu lil Għawdex bħala gżira li toffri kwalità u eċċellenza lil dawk kollha li jżuruha.

Minbarra l-kummenti pożittivi li għaddiet il-ġurija li tat il-Blue Flag Award lil dawn il-bajjiet, faħħret ħafna l-attivitajiet li saru fl-istaġun li għadda f’dawn il-bajjiet stess.

Ġie spjegat li fost il-ħafna xogħol li jsir matul is-sena kollha, din is-sena sar investiment f’lifeguard tower ġdid għall-bajja ta’ Marsalforn u żdiedu faċilitajiet ġodda fil-bajja tax-Xwejni apparti l-faċilitajiet preċedenti fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra u Ħondoq ir-Rummien. Fil-fatt, fil-Bajja tax-Xwejni żdiedu tabelli ġodda ta’ informazzjoni, hemm żona ġdida tal-għawm għal miżuri aħjar ta’ saħħa u sigurtà, u fil-jiem li ġejjin se jsir parkeġġ ġdid għal persuni b’diżabilità kif ukoll hemm ippjanati diversi attivitajiet edukattivi f’din iż-żona. Barra minn hekk, hemm pjanijiet li jkun hemm servizz ta’ lifeguard fil-futur qrib.

Il-Ministru Clint Camilleri tenna li kommess li jkomplu jtejbu l-bajjiet u ħeġġeġ lill-pubbliku biex josserva r-regolamenti u jżomm il-bajjiet nodfa: “Fuq kollox il-bajjiet ta’ gżiritna huma essenzjali għall-prodott turistiku sajfi,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta Vince Attard. Waqt l-istess attività, Nature Trust irrilaxxaw lura fil-baħar il-fekruna Claudette ta’ erba’ snin li fieqet minn ferita kkawżata minn sunnara tas-sajd.

Ekonomija

Sport