Wednesday, December 11, 2024

TLIET ĊERTIFIKATI POŻITTIVI GĦAL MALTA FI TMINT IJIEM

Aqra wkoll

B’mod regolari nisimgħu dikjarazzjonijiet u anke jinħarġu rapporti dwar l-ekonomija Maltija u kif tkun sejra. B’mod kontinwu nisimgħu b’ekonomija li dejjem qiegħda tikber. Nisimgħu b’infiq domestiku b’saħħtu – jiġifieri l-infiq tal-Maltin.

Quddiem dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux li fl-aħħar jiem li l-Aġenzija ta’ kreditu Moody’s Investors Service ikkonfermat rating ta’ A2 bi prospetti stabbli għal pajjiżna, liema waslet għal dan ir-rating billi rrikonoxxiet it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu tal-pajjiż, livelli moderati ta’ dejn, u sfidi għaddejjin fil-governanza. Dan kien it-tielet ċertifikat pożittiv għal Malta f’temp ta’ tmint ijiem, wara r-rapporti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea u anke mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

Minn dak li qalet Moody, ninnutaw li għalkemm qed iżżid pressjoni fuq l-infrastruttura, il-migrazzjoni netta qawwija qed tgħin fis-suq tax-xogħol u ssaħħaħ id-domanda domestika. B’rabta ma’ dan ir-rapport ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela li semma kif Moody’s jinnotaw kif, minkejja sensiela ta’ xokkijiet internazzjonali kbar, pajjiżna xorta rnexxielu jikber b’saħħa. Dan filwaqt li nnota li fil-perjodu ta’ bejn l-2019 u l-2028, Malta se tkompli tikber b’rata li hija darbtejn akbar minn dik ta’ pajjiżi oħra.

Fuq kollox, it-tbassir f’dak li jirrigwardja t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna qiegħed juri prospetti tajbin ferm għaliex Malta għandha ekonomija li taħdem għan-nies. Ekonomija bbażata fuq il-ħolqien ta’ ġid ekonomiku li jilħaq lil kulħadd speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn.

Bla dubju li t-tkabbir huwa attribwit ukoll għar-reżiljenza tal-ekonomija u l-miżuri li ħa l-Gvern Malti, li huma intiżi biex itaffu l-pressjonijiet esterni fuq l-ekonomija. L-għajnuna mogħtija biex tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils tibqa’ kruċjali. Kieku ma kienx għs-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna, kieku l-Gvern ma kienx ikun f’pożizzjoni li jissussidja b’miljun ewro kuljum il-prezzijiet tal-enerġija. Dan ifisser li dawk il-flus baqgħu fil-bwiet tal-Maltin, li rriżultaw f’konsum akbar mill-familji tagħna.

M’għandniex dubju li din ix-xejra fl-andament ekonomiku se tkompli wkoll fix-xhur li ġejjin. Irrispettivament minn liema ħsieb ekonomiku wieħed jista’ jkollu, żgur naqblu li s-sisien ekonomiċi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom. Premessa li fuqha l-Gvern għandu jkompli jibni biex ikompli jkun jista’ jilqa’ għall-isfidi tal-futur.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport